ŻOMM AĠĠORNAT:
In-nies qed jistennew li toħroġ il-veritàkollha dwar il-Panama u li ssir ġustizzja
Il-verità kollha dwar il-każijiet relatati mal-kumpaniji fil-Panama għandha toħroġ fil-Qorti mingħajr dewmien. Dan wara d-deċiżjoni tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li kien hemm kunflitt ta’ interess meta l-inkjesta dwar il-każijiet tal-Panama Papers kienu qed jinstemgħu minn Imħallef li huwa miżżewweġ MEP Laburista.
Simon Busuttil kien għamel talba biex issir inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpaniji sigrieti li nfetħu wħud mill-ogħla nies f’Malta ftit ġranet wara li telgħu fil-poter. Għal din it-talba, l- Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi opponew u appellaw. Simon Busuttil kien fetaħ kawża Kostituzzjonali biex il-ġustizzja tidher li qed issir billi l-Imħallef li kien qed jisma’ l-każijiet jinbidel.
Il-Qorti laqgħet din it-talba li l-Imħallef jinbidel milli jisma’ l-każ għax ippreġudikat bil- kummenti ta’ martu, li hija MEP Laburista. Wara din id-deċiżjoni tal-Qorti, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li l-verità dwar dawn l-iskandli relatati mal-Panama Papers. Għal kuntrarju tal-Prim Ministru u sħabu, n-nies qed jistennew li ssir ġustizzja bla dewmien.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li hu biss meta toħroġ il-verità u ssir il-ġustizzja li pajjiżna jista’ verament iħares ir-reputazzjoni tiegħu u jipproteġi r-reputazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Dan għaliex il-Prim Ministru baqa’ sal-lum ma ħax id-deċiżjonijiet li hemm bżonn biex ir-reputazzjoni ta’ Malta tiġi mħarsa.
13.07.2018