ŻOMM AĠĠORNAT:
Infasslu Futur Flimkien: Se nfasslu l-futur ta’ Għawdex flimkien mal-Għawdxin
“Se niġu f’kull lokalità u f’kull raħal f’Għawdex biex niltaqgħu mal-Għawdxin. Irridu nifhmu l-ħtiġijiet tal-Għawdxin. Il-Partit Nazzjonalista se jitkellem għall-Għawdxin biex flimkien infasslu l-futur tal-Għawdxin.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta għalaq sessjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-PN li sar f’Għawdex.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-PN se jibqa’ jaħdem sabiex iġib lura l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lura għand l-Għawdxin. Dan hekk kif il-Qorti illum iddikjarat li l-kawża li Dr Delia fetaħ biex it-tliet sptarijiet li l-Gvern ta lill-Vitals jingħataw lura lin-nies, hija ta’ importanza nazzjonali.
Dr Delia qal li l-Gvern ried jaqsam il-kawża li huwa fetaħ biex il-Qorti tannulla l-kuntratt li l- Gvern għamel ma’ Vitals għat-tliet sptarijiet f’biċċiet iżda hawnekk ukoll il-Qorti tat raġun lill- Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiġġieled sabiex jagħti lura l-isptarijiet lin-nies.
Adrian Delia staqsa fejn marru l-€50 miljun li Vitals qalgħu meta l-uniku investiment fis-saħħa li sar f’Għawdex kienet il-ħofra li ħallew ħdejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Huwa qal li l- Gvern għażel lil Vitals biex imexxu l-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex meta dawn ma kellhomx esperjenza fis-settur mediku.
Dr Delia qal li l-Gvern qed jidħak bl-Għawdxin għaliex huwa ċar li dejjem iħabbar li se jsiru studji u rapport biex itawwal iż-żmien flok jindirizza b’serjetà l-problemi ta’ Għawdex. Huwa qal li l-messaġġ tal-PN huwa ċar li issa wasal iż-żmien li l-Gvern jibda’ jgħid bis-serjetà x’se jsir għal Għawdex. Adrian Delia qal li Gvern Nazzjonalista se jindirizza l-problemi tan-nies f’Għawdex bħalma huma l-insularità doppja, il-problemi tan-negozji Għawdxin u d- diffikultajiet tal-ħaddiema żgħażagħ Għawdxin biex jaħdmu f’Għawdex stess.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stieden lid-Deputat Chris Said li huwa reponsabbli f’isem il-PN għar-riforma Kostituzzjonali sabiex ifassal proposti fil-Kostituzzjoni għall-Għawdxin. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi tal-Għawdxin biex iħares ir-rispett li għandna nagħtu lil Għawdex u l-Għawdxin.
10.05.2018