Huwa ż-żmien li fih il-gradwati tagħna jtellgħu fuq il-midja soċjali r-ritratti tagħhom ta’ jum il-gradwazzjoni, ir-riżultat ta’ snin ta’ ħidma fl-Università. Għalkemm ħafna jattribwixxu l-gradwazzjoni għal dawn l-aħħar snin akkademiċi fl-ogħla livell edukattiv, ftit jifhmu li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet huma r-riżultat ta’ ħafna snin formattivi li jibdew mill-ewwel snin tal-iskola u mhux fl-universitajiet. Għalhekk, studji diversi jikkonfermaw l-importanza tal-edukazzjoni bikrija bħala l-qofol tas-suċċess akkademiku snin wara.

            Din is-sena, qegħdin naraw jiggradwaw mijiet ta’ żgħażagħ li twieldu fil-bidu tas-snin 2000 jew l-1999, allura huma dawk li kienu meqjusa bħala “the children of the new century”. Għalhekk, fost il-gradwati ta’ din is-sena, għandna l-ewwel grupp ta’ żgħażagħ li twieldu f’ġenerazzjoni li mhux neċessarjament konna preparati għaliha fil-qasam edukattiv. Studju li kien sar fir-Renju Unit lura għall-2012 (ir-riżultati tħabbru fl-2015) dwar it-tfal imwielda f’dan il-perjodu sab b’mod konsistenti u inkwetanti li 20% tagħhom esperjenzaw  diffikultajiet ta’ saħħa mentali minn tal-anqas darba waħda, bis-subien ikunu aktar vulnerabbli u għalhekk jintlaqtu 50% aktar mill-bniet. Dan l-istudju partikolari analizza l-imġiba, il-hyperactivity, in-nuqqas ta’ attenzjoni, il-problemi emozzjonali u dawk mal-ħbieb. Għal dan irridu nilqgħu b’edukazzjoni olistika addattata, l-aktar meta llum nafu li l-attention span tat-tfal qiegħda dejjem tonqos.

            Għalkemm dan l-istudju ma jaffettwax direttament lil Malta, għandu jkun indikattiv. B’rispons għaż-żminijiet tal-lum u studji simili, għalhekk, il-metodi ta’ kif isir it-tagħlim qiegħed jinbidel b’rata mgħaġġla fil-pajjiżi l-aktar avvanzati fil-qasam edukattiv, madankollu, l-edukazzjoni li qed noffru f’pajjiżna llum, fl-2021, ma hu bl-ebda mod differenti minn kif telgħu fiha l-gradwati tagħna tal-lum. Għaddew 21 sena, u l-qafas edukattiv baqa’ primarjament marbut mal-istess strateġiji li mhumiex qegħdin jilħqu lil kulħadd, minkejja li Malta għandha waħda mill-ogħla nefqiet fl-edukazzjoni fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, diversi sistemi madwar l-Ewropa avvanzaw u biddlu d-direzzjoni skont il-ħteġijiet tat-tfal tal-lum, b’Malta tibqa’ ankrata f’sistema li hija bbażata biss fuq ħafna materjal, xogħol fil-klassi u d-dar, sillabi mhux meħtieġa għall-ħajja ta’ kuljum, eżamijiet u klassijiet li ilhom l-istess għexieren ta’ snin.

            Nemmen li meta niddiskutu dwar ir-raġunijiet li għalihom ma aħniex naslu fl-edukazzjoni, irridu nieqfu nistaqsu “x’qed nagħmlu ħażin?” imma nibdew nistaqsu “x’mhux qed nagħmlu tajjeb?” għaliex is-sistema edukattiva attwali f’Malta mhix “ħażina” imma mhix tilħaq l-aspettattivi ta’ ġenerazzjoni li hija aktar impulsiva, aktar attiva, aktar teknoloġika, aktar inkwiżittiva u aktar kurjuża. Li għandna sistema edukattiva “out-dated” ma jfissirx li hija ħażina, imma mhijiex addattata u daqskemm ilibbsuk ħwejjeġ li kienu moda fit-80ijiet imma li llum mhumiex tan-norma, l-istess l-edukazzjoni – trid timxi maż-żminijiet.

            Fl-aħħar snin, il-ħtieġa tal-informazzjoni fl-oqsma tax-Xjenza u t-Teknoloġija żdiedet b’rata drammatika, u miegħu żdiedet daqstant ieħor il-ħtieġa li l-bniedem jaddatta għall-progress u l-innovazzjoni f’oqsma li prattikament mhumiex wisq magħrufa u studjati. Biex il-bniedem tal-lum ikun qiegħed ilaħħaq mal-pass mgħaġġel li bih miexja d-dinja teknoloġika tal-lum, il-klassijiet iridu jkunu addattati għall-metodu li fih il-ħsieb kritiku u analitiku huma l-qofol tat-tagħlim; u minkejja l-‘evoluzzjoni’ tal-Learning Outcomes li qed ikunu addottati llum, sfortunatament naraw li l-approwċ fil-klassijiet jibqa’ primarjament l-istess u bbażat fuq eżamijiet matul is-sena u li għalihom l-għalliema jridu jgħaddu paġni ta’ informazzjoni fuq informazzjoni, ħafna minnha inutli għall-iżviluppi konjittivi li t-tfal “of the new century” jeħtieġu llum u wisq aktar għada.

   

   Irridu għalhekk nirrealizzaw, li l-metodu tal-edukazzjoni għandu jinbidel skont it-tfal u mhux it-tfal jinbidlu skont il-metodu tal-edukazzjoni. Illum it-tfal inbidlu, imma qajla nbidlu l-metodi li bihom għallimna 20 sena ilu jew tgħallimna 40 sena ilu. Hawnhekk se nagħti ħarsa ħafifa ħafna lejn metodi ġodda li f’Malta qajla jkunu diskussi għaliex hija ħasra li matul dawn l-aħħar snin f’Malta niddiskutu biss il-bini tal-iskejjel ġodda u l-kundizzjonijiet tal-edukaturi (li huwa tajjeb imma mhux biżżejjed) u mhux ir-raġuni li għaliha għandna bżonn l-iskejjel u l-edukaturi – it-tfal u t-tagħlim tagħhom:

 

  • Collaborative Learning: il-metodu li bih l-istudenti fi gruppi janalizzaw, jiddiskutu, jiddibattu topiks differenti minn sillabi differenti biex jifhmu l-metodi, jistaqsu, jiddubitaw u finalment jitgħallmu flimkien f’sistema ta’ tagħlim kollaborattiv fejn it-tagħlim isir bil-fehim u mhux bl-istudju.
  • Spaced Learning: il-metodu li bih l-edukaturi jirrepetu għal aktar minn darba l-istess kunċetti sakemm dawn ikunu mifhuma mill-istudenti li jagħrfu l-qafas tal-istrateġija li bih qed ikun mgħallem is-suġġett b’intervalli kontinwi sabiex jagħti ċans lit-tfal jistrieħu u mbagħad jerġgħu jikkollaboraw mal-edukaturi.
  • Flipped Classroom: il-metodu li bih l-edukaturi ma jgħaddux l-informazzjoni lit-tfal fil-klassi biex imbagħad jaħdmu fuqha d-dar jew waqt il-klassi, għaliex dan il-kunċett jirrikjedi li t-tfal jirriċerkaw u jfittxu mid-dar dwar topiks u suġġetti mitluba minn qabel biex jaqsmu u jużaw tali informazzjoni fil-klassi.
  • Gamification: il-metodu li bih it-tagħlim tradizzjonali jitwaħħad mal-użu tal-logħob diġitali sabiex it-tagħlim ma jibqax l-informazzjoni mgħoddija imma l-informazzjoni misjuba mil-logħob diġitali stess.
  • VAK Teaching: il-metodu li bih it-tagħlim ikun maqsum fi 3 oqsma primarji, il-Visual, l-Audio u l-Kinesthetic (movement) u li fih l-istudenti jagħrfu mil-liema aspett edukattiv jistgħu jiggwadanjaw u jitgħallmu l-aktar dwar suġġetti u topiks varji. Il-kategoriji ma jinħolqux mill-edukaturi imma mill-istudenti.

 

Dawn huma l-aktar metodi li llum qed iħallu impatt fil-qasam edukattiv tal-2021, u li f’Malta, b’mod ġenerali mhumiex addottati. Hawnhekk nemmen li biex dan isir, ma jistax ikollna biss ftit għalliema li għadhom kemm iggradwaw li jħaddmu tali metodi, imma rridu bidla kompleta fil-mentalità u l-infrastruttura tal-klassijiet u l-iskejjel. Pereżempju, ċerti studji qed juru l-potenzjal b’saħħtu li għandha l-klassi moderna li fiha hemm “seating modes” diversi u li jappellaw għal tagħlim interattiv u impulsiva tat-tfal tal-lum; oħrajn juru li l-klassijiet għandhom ikunu mdawla sew bid-dawl naturali; u li għal dan irridu mhux biss nibnu l-iskejjel bi klassijiet addattati imma rridu nifhmu x’qed nagħmlu u xi rridu fi żmien 10 snin.

            Jekk mhux se nifhmu li rridu ninbidlu, se nibqgħu nħarsu lejn it-80ijiet u d-dinja tħallina l-art.

Justin Schembri

About

Edukatur. Kandidat għat-8 u l-1 Distrett. Minority Leader fil-Kunsill Lokali Birkirkara. Impenjat favur l-Edukazzjoni, l-Ambjent u l-Ġustizzja Soċjali. Iggradwat fil-Malti u fil-Politika. Determinat favur il-bidla.