Skip to main content
Inkunu l-bidla flimkien
Julie Zahra
|
November 08, 2021

Mhux soltu nikteb fit-tul.

Iżda xi daqqiet, bla ma trid, tieqaf taħseb u tirrifletti. Taħseb fuq ċertu deċiżjonijiet li tkun għamilt f’ħajtek. Taħseb fuq dak li tixtieq għall-futur ta’ dawk ta’ madwarek.

Deċiżjoni minnhom kienet dik li noħroġ għall-politika mal-Partit Nazzjonalista.

Għamilt hekk għaliex inħoss li f’pajjiżna nibtet wisq il-kultura tax-xejn m’hu xejn.

Fejn kollox jista’ jgħaddi mingħajr ma jiġri xejn.

Fejn anki jekk tikteb fuq il-mezzi soċjali, tispiċċa attakkata bla ħniena minn nies ma tafhomx, biex jumiljawk, jattakkawk u jipprovaw jirridikolawk.

Forsi għaliex mara?

Forsi għaliex kandidata ġdida?

Forsi għaliex wieħed jaħseb li bi dritt jista’ jgħid li jrid filwaqt li jinħeba wara l-iscreen.

Kif għamlu diversi persuni oħra qabli li kellhom karrieri oħra u ħarġu għall-politika, jien ukoll iddeċidejt li nagħmel hekk.

Għaliex irrid inwaqqaf din il-mibegħda lejn l-individwu.

Għaliex irrid nara Malta li timxi ‘l quddiem bis-saħħa tal-kapaċitajiet individwali ta’ kull persuna, il-bogħod mit-tiketti soċjali jew politiċi.

Għaliex irrid nara Malta timxi ‘l quddiem għall-ġejjieni tat-tifla tiegħi u ta’ tant eluf ta’ tfal oħra.

Għaliex irrid nara Malta li ma tibqax tirrenja l-kultura tax-xejn m’hu xejn u fejn il-flus jistgħu jixtru kollox u lil kulħadd. Il-flus mhux kollox.

Għaliex Malta jixraqilha ħafna aħjar minn hekk.

U għalhekk għal ċerti persuni moħbija li ser jikkumentaw – ir-risposta tiegħi hi - li minkejja l-attakki personali kollha jiena ser nibqa naħdem għal għan wieħed.

Għaliex iva, jien irrid Malta li tkun “on again”!!

L-Edukazzjoni, s-Saħħa Mentali u l-Arti huma suġġetti għal qalbha ħafna. Education, Mental health and the Arts are her passion. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq ir-4 u it-8 Distrett.
Inkunu l-bidla flimkien
Inkunu l-bidla flimkien
Kun il-Bidla Join Partit Nazzjonalista