L-għoli tal-ħajja: Sistema li mhux taħdem, pjaga fuq ħafna

“Meta tara persuna  li qed tagħmel dak li hu mitlub minnha,  taħdem 40 siegħa, jagħmlu part-time, u xorta jibqgħu f’riskju ta’ faqar, hemmhekk qed nindunaw li s-sistema tal-pagi f’Malta qed tittradihom”

Din kienet waħda mill-istqarrijiet li għamel Matthew Borg mill-Alleanza Kontra l-Faqar jiem ilu dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna, dwar kif ħafna llum il-ġurnata qed jaffrontaw l-isfida tal-għoli tal-ħajja. Esperjenza li ħafna qed jaqsmu miegħi anki tul iż-żjarat u fil-laqgħat li qed ikolli man-nies, speċjalment dawk residenti fl-1 Distrett. Sitwazzjoni ta’ tħassib li kull ma jmur qed tolqot mhux biss il-faxxa ta’ dawk li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ faqar, imma li qed tolqot b’mod partikolari anki lill-klassi medja ta’ pajjiżna, bl-ispejjeż għall-familji u l-anzjani jkomplu jiżdiedu.

Meta l-ħajja togħla, l-ewwel li jieħdu d-daqqa huma dawk l-aktar vulnerbabbli. Mhux se noqgħod nikkwota l-istħarriġ tal-NSO, illum nafu li hemm żieda fil-prezzijiet tal-ikel u fil-prodotti l-aktar essenzjali. Il-poplu qed ibati, iżda aħna bħala politiċi, bħala PN x'qed nipproponu?

Huwa ċar li jeħtieġ li jkun hemm żieda fil-pagi, fl-aħħar snin Malta kellha l-pagi staġnati: l-anqas rata ta’ żieda fil-pagi fost il-membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

Jien personali nemmen li jeħtieġ li issir reviżjoni tal-COLA, (il-Cost of Linving Adjustment) il-mekkaniżmu li permezz tiegħu tingħata ż-żieda għall-għoli tal-ħajja f’kull baġit. Rakkomandazzjoni li saret ukoll mill-Caritas u anki mill-imsieħba soċjali.

Huwa għalhekk li quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalsita qed joffri proposti konkreti permezz ta’ up-skilling tal-ħaddiema u sistema ta’ COLA adekwata li tgħin lil dawk kollha li għandhom bżonn l-għajnuna. Il-Partit Nazzjonalista qed joffri li jkun hemm ukoll capping fis-sistema ta’ kif jinħadem il-VAT u għajnuna ta’ €40 miljun sabiex tittaffa l-ispiża tal-prezz tal-merkanzija.

Il-bilanċ u n-nuqqas tiegħu

Fl-aħħar jiem rajna rajna żewġ eżempji fl-1 Distrett tal-mod kif il-Gvern Laburista qed jgħaddi bħal gaffa fuq kulħadd. L-ewwel każ kien il-platform fi Strada Merkanti, bl-Awtorità tat-Turiżmu toħroġ il-permess tagħha mingħajr konsultazzjoni ma ħadd. Ikolli ngħid li din l-Awtorità issa ilha s-snin tiġi tgħaddi minn għajn il-labra lir-residenti Beltin.

Fl-appell tiegħi dejjem sħaqt għal bilanċ, bil-Belt Kapitali u l-Beltin bħalissa qed ibatu l-konsegwenzi għan-nuqqas tal-awtoritajiet. Il-Beltin illum qed jispiċċaw jitkeċċew minn djarhom. Dan il-messaġġ nisħqu wkoll għall-Floriana, il-Ħamrun u l-Marsa, li wkoll qed ibatu minn sfidi simili, inkluż dik ta’ riġenerazzjoni tal-komunità.

Jum wara kien imiss li l-inġustizzja ssir mal-Marsin - nuqqas ta' konsultazzjoni li minħabba f'hekk residenti, negozji u ħaddiema qed ibatu l-konsegwenzi għalihom. Triq li eliminawlha l-ħruġ, lanqas ħallewlhom alternattiva ta' kif jistgħu joħorġu minn djarhom, jew post ieħor fejn jgħixu u jaħdmu

Jeħtieġ li fil-politika tagħna, inħarsu lir-residenti u nassiguraw l-aċċessibbiltà minn djarhom mal-kumplament u viċi-versa. Ma rridu nħallu ‘l-ħadd lura. Irridu nirrapreżentaw u nħarsu lil kulħadd. 

Inħarsu l-edukazzjoni

Bħala persuna li għamilt żmien ngħallem, ma nistax ma nħarisx lejn dak li propona l-PN. Fl-aħħar snin, rajna żieda allarmanti fir-rata ta’ early school leavers. F’wieħed mill-aħħar artikli li ktibt, indikajt li jeħtieġ li jkun hemm aktar investiment fl-edukazzjoni tal-etajiet bikrija bejn 0-7 snin, għax dan huwa l-pedament.

F’sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba, dan il-punt kien imtenni bosta drabi, u rajna wkoll kif il-PN nieda għadd ta’ proposti li jħarsu l-edukaturi. Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmilha ċara, PN fil-Gvern se jkun qed iġib riforma radikali fis-salarji u l-kundizzjonijiet tal-edukaturi.

Fil-politika tiegħu l-Partit Nazzjonalista qed ipoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru u dan l-atteġġjament, aħna bħala politiċi, bħala individiwi għandna nkomplu nemmnuh u nsostnuh.

Meta ngħidu li Partit jiġġedded ma jfissirx biss li jkollu uċuh ġodda, iżda li jkun hemm tiġdid fl-ideat, fil-mod kif isir il-ħsieb. Nemmen li filwaqt li għandna nibqgħu nħaddnu dak li jagħmel tajjeb il-prinċipji u l-valuri tal-PN, aħna bħala żgħażagħ, bħala politiċi għandna nkunu innovattivi fil-mod kif infasslu l-politika ta’ issa u tal-ġejjieni.

James Aaron Ellul

About

Gradwat bl-Unuri fil-Malti. Ġurnalist @netnewsmalta. Minority Leader @KLFloriana. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq l-1 Distrett.