Din il-ġimgħa kelli esperjenza unika. Esperjenza li tatni l-opportunità li nkun eqreb u viċin il-familji aktar minn qatt qabel għax dħalt b’ruħi u ġismi fil-każ ta’ inġustizzja kbira, fejn il-protagonista kienet se tgħaddi minn tbatija bla bżonn.
Qed nirreferi għall-każ tat-tfajla Rachel Umanah, li hija persuna b’ Down Syndrome li kienet ġejja lura Malta minn żjara għand nannietha li jgħixu fin-Niġerja, pajjiż meqjuż bħala dark red zone.
Intant minkejja li Rachel hija bid-Down Syndrome l-awtoritajiet ma riedux jagħmlu eċċezzjoni magħha u kien se jkollha tqatta’ ġimagħtejn kwarantina f’lukanda hekk kif tasal lura Malta flimkien ma’ ħuha, Daniel u missierha, Patrick, u mġiegħlha tħallas €100 kuljum minkejja li għandha residenza privata – total ta’ €1400 għal kull persuna. Kien appuntu dan li xprunani biex nżur lil Carmen, omm Rachel, fejn flimkien għamilna appell lill-gvern biex jirrevedi din il-miżura inġusta kemm ma’ Rachel u Maltin oħra li wkoll kienu qed iħallsu €100 kuljum inġustament.
Hija inġustizzja kbira fejn persuni li għandhom residenza oħra fejn jistgħu jqattgħu l-kwarantina jkollhom jagħmlu l-kwarantina f’lukanda. Dan huwa piż finanzjarju bla bżonn għall-familji Maltin u Għawdxin. Filwaqt li x-xogħol tal-awtoritajiet tas-Saħħa huwa rispettat, hemm bżonn li jieħdu inkonsiderazzjoni ċirkustanzi speċjali ta’ persuni b’mod speċjali dawk li jkollhom diżabilità. Meta dawn in-nies jiġu mġiegħla jagħmlu kwarantina f’lukanda, f’ambjent differenti u mhux familjari għalihom, jiffaċċjaw tbatijiet bla bżonn.
Huwa nkoraġġanti iktar w iktar meta tara li petizzjoni li bdejt it-Tnejn filgħodu, sabet l-appoġġ ta’ mijiet, aktar minn 1200 firma f’jumejn, li flimkien magħna, għenu fil-kawża sabiex il-Gvern fehem li s-sitwazzjoni ma setatx tippersisti.
Is-sens komun rebaħ. Minn dan kollu nistgħu ngħidu li minkejja li ninsabu fl-oppożizzjoni, qegħdin nagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies. Nirringrazzja lil dawk kollha li għenu u appoġġjaw dan l-appell imqanqal biex Rachel illum qed tqatta’ t-tieni jum tal-kwarantina tagħha f’darha flimkien ma’ niesha.
Do you like this page?