Il-Partit Nazzjonalista jinnota għal darboħra b’dispjaċir l-arroganza u s-suppervja li reġa wera l-Gvern Laburista permezz tal-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Aaron Farrugia.

F’Lulju li għadda l-istess Ministru u l-Gvern li hu għamel parti minnu kienu ivvutaw kontra abbozz ta’ liġi li kienet ressqet l-Oppożizzjoni sabiex waqt il-laqgħat  tal-bord tal-ERA ikun hemm aktar trasparenza u parteċipazzjoni tal-pubbliku in ġenerali, għaqdiet u kunsilli lokali. L-abbozz imressaq dakinhar mill-Oppożizzjoni kellu l-appoġġ tal-għaqdiet ambjentali u saħansittra tal-eks Prim Ministru, illum Membru Parlamentari Ewropew, Alfred Sant.

Waqt il-kumitat tal-abbozzi fil-Parlament dwar emendi għall-Att dwar l-Awtoritá għall-Ambjent u l-Ippjanar, l-istess Ministru Farrugia reġa vvota kontra l-principji ta’ aktar trasparenza , parteċipazzjoni pubblika u fuq kollox governanza tajba fil-ħarsien tal-ambjent f’pajjiżna. Fil-fatt, il-membri tal-Gvern preżenti vvutaw kontra kull emenda li tressqet f’isem l-Oppożizzjoni mid-deputati Robert Cutajar u Joseph Ellis, .

Bl-azzjoni u l-atteġjament tiegħu fil-Parlament, il-Ministru Farrugia u l-Gvern li hu jifforma parti minnu reġa wera biċ-ċar li bil-fatti mhux biss l-ambjent mhux prijorita' għalih iżda kkonferma li l-Gvern Laburista irid li hu waħdu jieħu d-deciżjonijiet relatati mal-ambjent f’pajjiżna, u dan anke fl-ERA.

Gvern ġdid Nazzjonslista mmexxi minn Bernard Grech qed iwiegħed li liġijiet li dan il-Gvern naqas li jimplimenta b’rabta mal-ħarsien tal-ambjent f’pajjiżna, ikunu fost l-ewwel liġijiet li jgħaddu mill-Parlament wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss wara li jsiru konsultazzjonijiet xierqa ma’ dawk kollha nvoluti.

 

28.01.2022

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt