ŻOMM AĠĠORNAT:
Irridu nsaħħu l-istituzzjonijiet biex ma jibqħux maħkuma minn ftit persuni tal-qalba
“Dan huwa Gvern li qed jaħtar persuni tal-qalba u qrib tal-Partit Laburista fl-aktar pożizzjonijiet sensittivi sabiex il-Prim Ministru jkollu aktar poter. Għalhekk jeħtieġ li nagħmlu eżami tal-istituzzjonijiet tagħna biex verament insaħħu d-demokrazija u r- reputazzjoni ta’ pajjiżna.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fuq NET FM.
Dr Delia qal li f’pajjiżna għandha terġa’ tiddaħħal il-meritokrazija meta jinħatru persuni fl- awtoritajiet jew pożizzjonijiet sensittivi. Dan għaliex l-unika riga li biha qed jimxi l-Prim Ministru fil-ħatriet li qed jagħmel hija dik li jintgħażlu persuni li kienu jimmilitaw jew li huma qrib tal-Partit Laburista u jispiċċaw jitwarrbu persuni li jkunu fit for purpose. Adrian Delia għamel referenza għall-abbozz tar-rapport tal-Kummissjoni Venezja, li ġiet Malta sabiex tistħarreġ it-tħaddim tas-saltna tad-dritt. Il-Kummissjoni tagħmilha ċara li l-Prim Ministru huwa ċ-ċentru tal-poter u li l-President, il-Parlament, il-Kabinett tal-Ministru, il- Ġudikatura u l-Ombudsman huma dgħajfin quddiem il-poteri tal-Prim Ministru, u m’humiex fl-aħjar pożizzjoni biex iwettqu ċ-checks and balances meħtieġa f’demokrazija.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat għandu jkollu r-rieda li jaħtar persuna mill-kamp oppost bħala President ta’ Malta, kif kien għamel l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi meta ħatar lil George Abela. Adrian Delia qal li jekk verament Joseph Muscat iħobb lil Malta u jrid iġib l-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox għandu juri din il-maturità politika. Huwa stieden lil Joseph Muscat biex jintgħażel President li jkun igawdi kunsens wiesa’ u li m’għandux għalfejn ikun ġej minn kamp politiku wieħed. Dan meta Kummissjoni Venezja qed tissuġġerixxi li l-President jkollu l-poter li jaġixxi mingħajr il-pariri tal-Prim Ministru.
Adrian Delia qal li l-Kummissjoni Venezja rrimarkat kif l-Avukat Ġenerali qed jilbes ħafna kpiepel u tirrakkomanda li dawn il-poteri jiġu separati. Huwa fakkar li fetaħ kawża Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali sabiex jingħata kopja sħiħa tal-inkjesta tal- Maġistrat Aaron Bugeja. Dan meta l-Avukat Ġenerali baqa’ jinsisti li ma jagħtihx kopja tal- inkjesta għaliex ‘ma kienx se jżommha fil-kexxun’ iżda kien se jitkellem dwarha, u ħoloq żbilanċ politiku serju meta l-Prim Ministru, l-Ministru għall-Ġustizzja, l-Kap tal- Komunikazzjoni tal-Gvern fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u ħdax il-persuna oħra għandhom kopja iżda l-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandux.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem fuq il-każ ta’ Neville Gafà u l-allegazzjonijiet fil- konfront tiegħu relatati ma’ tixħim biex jinħarġu viżas mediċi lil ċittadini Libjani. Dwar dan il-każ qed jitkellem ukoll Ivan Grech Mintoff u qal li Gafà mar il-Libja u ltaqa’ ma xhieda li qegħdin fil-lista tax-xhieda ta’ kawża fil-Qorti dwar dan l-allegat ħruġ tal-viżas mediċi. Fil- jiem li għaddew, l-midja rrappurtat kif il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne neħħa lil Neville Gafà mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) iżda għall-mistoqsijiet li għamlulu l- ġurnalisti, l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Neville Gafà qed jaħdem tajjeb ħafna.
Adrian Delia qal li fil-Parlament staqsa kemm lill-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u lill-Ministru għall-Intern Michael Farrugia jekk għandhomx stqarrija Ministerjali x’jagħmlu dwar Neville Gafà iżda baqgħu siekta. Huwa wera solidarjetà ma’ Ivan Grech Mintoff, li fil-jiem li għaddew rċieva theddid fuq ħajtu, u tah l-appoġġ sħiħ tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista.
Dr Delia qal li bħala pajjiż demokratiku għandna l-obbligu li niddefendu d-dritt tal-libertà tal- espressjoni u stieden lill-awtoritajiet sabiex jagħtu l-protezzjoni lil Ivan Grech Mintoff. Huwa qal li s-sistema ta’ impunità li daħħal il-Gvern għandha tintemm u jekk hemm bżonn li ssir investigazzjoni din għandha ssir. Adrian Delia qal li Joseph Muscat jinsab b’idejh marbutin u bħalma qed jipproteġi liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi qed jibqa’ jiddefendi ‘l ftit magħżula ta’ Kastilja.
16.12.2018