ŻOMM AĠĠORNAT:
Irridu soċjetàli jimpurtaha mill-kwalitàtal-ħajja
Irridu nibnu soċjetà li jimpurtaha mill-kwalità tal-ħajja, għax dan jaqbel lilna u lill-Maltin tal- futur. Qed jiżdied l-inkwiet dwar wirt pajjiżna. Biex inħarsu wirtna, irid ikollna qbil politiku wiesa’ u istituzzjonijiet b’saħħithom li ma jħallux lill-politiċi stess iwasslu għall-qerda tal- ambjent li baqgħalna.
Hekk ikkummenta l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, f’laqgħa li kellu mal- organizzazzjoni WIRTNA. Din hi organizzazzjoni magħmula minn 22 għaqda volontarja fil- qasam tal-ambjent u li ppreżentat lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista l-proposti tagħha biex pajjiżna jħares wirtu. WIRTNA hi inkwetata bil-mod kif l-Istat qed ifalli milli jobdi u jwettaq il-Kostituzzjoni ta’ Malta li f’artiklu 9 tagħha tgħid li l-Istat Malti għandu jħares il-pajsaġġ u l-wirt storiku u artistiku tagħna.
Adrian Delia wera l-apprezzament tiegħu għal tant għaqdiet li jirrappreżentaw tant ilħna li qed jingħaqdu f’azzjoni ta’ ħarsien ta’ dak li jagħmel lil pajjiżna l-pajjiż sabiħ li writna mingħand ta’ qabilna u li hu ammirat minn ħafna barranin.
Illum kulħadd jista’ jara x’inhuma l-effetti tan-nuqqas ta’ pjan fl-immaniġjar tal-ambjent tagħna u n-nies huma inkwetati dwar dan, kif joħroġ ukoll minn stħarriġiet tal-fehma pubblika, osserva Adrian Delia. Hu stqarr li pajjiżna jeħtieġ istituzzjonijiet aktar b’saħħithom u nies serji u indipendenti fihom li ma jħallux lill-politiċi stess iwasslu għall-qerda ta’ wirtna b’politika tax-xejn mhu xejn li tfittex il-popolarità għall-qosor taż-żmien flok il-ġid tan-nies u tal-kwalità tal-ħajja għat-tul.
Adrian Delia qal li t-tibdil kostituzzjonali li ilu mwiegħed ħames snin għandu jkun wieħed li jistabbilixxi istituzzjonijiet sodi u serji li jipproteġu lin-nies għat-tul, fosthom il-wirt li jagħżilna bħala poplu u li fih innifsu jagħmel lil pajjiżna post attraenti fejn tista’ tgħix tajjeb. Għal din il-laqgħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliema tal- Oppozizzjoni dwar l-Ippjanar Marthese Portelli, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Jason Azzopardi, il-Kelliema tal-Oppozizzjoni dwar il-Media u l-Kultura Therese Comodini Cachia u l-Kunsilliera u Kandidata Janice Chetcuti.
04.06.2018