ŻOMM AĠĠORNAT:
It-tfal fl-iskejjel għandu jingħatalhom prodott frisk u bnin
Il-Gvern injora r-rakkomandazzjonijiet li sarulu fl-iskema tal-iskejjel
It-tfal Maltin u Għawdxin qed jingħataw frott qares u ħaxix mgħolli f’pakketti mhux issiġillati, li lanqas m’huma friski iżda ffriżati. Dan minħabba deċiżjoni żbaljata tal-Gvern fil- mod ħażin kif ħaddem l-iskema tal-frott u l-ħaxix għat-tfal fl-iskejjel. Din id-deċiżjoni żbaljata tal-Gvern hija ta’ detriment ukoll għall-bdiewa lokali għax lit-tfal mhux qed jingħatalhom frott u ħaxix frisk.
Għalkemm din l-iskema fl-iskejjel hija ffinanzjata minn fondi Ewropew, il-Gvern injora r- rakkomandazzjonijiet li sarulu mill-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew li t-tfal tal-iskola għandu jingħatalhom frott u ħaxix frisk tal-istaġun. Dan apparti li l-iskema reġgħet ġiet introdotta xahar ilu biss u meta suppost li kellha tibda mal-bidu tas-sena skolastika f’Ottubru tas-sena li għaddiet kif issuġġeriet il-Kummissjoni Ewropea.
Kif ġie żvelat fil-midja, id-deċiżjoni żbaljata tal-Gvern kellha impatt negattiv ukoll fuq il- bdiewa. Dan meta l-fondi Ewropej setgħu ntużaw biex jgħinu lill-bdiewa Maltin u Għawdxin billi jipprovdu frott u ħaxix frisk, li jkun aktar bnin għat-tfal tal-iskola. Il-Gvern bagħat ukoll messaġġ ħażin lit-tfal bl-użu tal-plastik, li ma jistax jiġi riċiklat, minflok intuża materjal alternattiv li jgħin fl-edukazzjoni tat-tfal favur aktar riċiklaġġ.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li t-tfal jistħoqqilhom li jingħataw frott u ħaxix frisk fl-iskola biex jitgħallmu aktar fuq ikel bnin fil-ġlieda kontra l-obeżità. Għalhekk il-Membru tal- Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech għamel mistoqsija lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkjarfika jekk hux aċċettabbli li t-tfal jingħatalhom ħaxix iffriżat.
Clyde Puli
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, l-Iżvilupp Uman u l-Ħiliet għas-Seklu 21
Francis Zammit Dimech
Membru tal-Parlament Ewropew
01.06.2018