ŻOMM AĠĠORNAT:
It-tfal fl-iskejjel jixirqilhom li jingħataw frott u ħaxix li jkun frisk
It-tfal fl-iskejjel għandu jingħatalhom frott u ħaxix li jkun frisk u bnin għal saħħithom. Dan wara li ġenituri urew it-tħassib tagħhom għall-kwalità tal-ikel li qed jingħata lil uliedhom fl- iskejjel. It-tfal jixirqilhom frott u ħaxix frisk u mhux servizz fl-iskejjel li reġa’ ddaħħal bl- għaġla mill-Gvern qabel tintemm is-sena skolastika.
L-iskema tat-tqassim tal-frott u l-ħaxix b’xejn fl-iskejjel kienet iddaħħlet minn Gvern Nazzjonalista sabiex it-tfal jitgħallmu dwar l-importanza tal-frott u l-ħaxix f’dietà tajba li tkun nutrijenti. Dan fi sforz nazzjonali li tonqos l-obeżità fost it-tfal Maltin u Għawdxin. Jekk il-frott u l-ħaxix ma jkunx frisk l-għan edukattiv ta’ dan is-servizz jispiċċa fix-xejn.
Minħabba nuqqasijiet amministrattivi din l-iskema kienet waqfet għal numru ta’ xhur u ttellgħet fuq livell Ewropew ukoll mill-MEP Francis Zammit Dimech. Dan permezz ta’ mistoqsijiet fil-Parlament Ewropew, fejn il-Kummissjoni Ewropea stess ikkonfermat li kien il-Gvern li kien qed ikaxkar saqajh biex l-iskema terġa’ tkompli.
Il-Partit Nazzjonalista għalhekk jappella biex lit-tfal fl-iskejjel jitqassam frott u ħaxix frisk u s-servizz jingħata bl-inqas impatt ambjentali bl-użu tal-inqas ammont ta’ plastik possibbli.
Clyde Puli
Segretarju Ġenerali u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni
Francis Zammit Dimech
Membru tal-Parlament Ewropew
26.05.2018