ŻOMM AĠĠORNAT:
Jeħtieġ li f’pajjiżna tiżdied il-kampanja ta’ għarfien lil familji Maltin dwar id-dijabete
Illum huwa l-Jum Internazzjonali ddedikat lid-dijabete. F’pajjizna huwa stmat li hawn aktar minn 10% tal-populazzjoni li jbatu mid-dijabete fosthom ukoll bosta tfal. Id-dijabete hija kundizzjoni kronika, li meta tiġi traskurata tikkawża ħafna komplikazzjonijiet, diżabilità u saħansitra mwiet. Hawn ħafna oħrajn li għandhom id-dijabete u li għadhom ma jafux li għandhom din il-kundizzjoni. Fil-fatt skond il-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete huwa stmat li wieħed minn kull żewġ persuni għandhom id-dijabete (Diabetes Type 2) u ma jafux.
Fid-dinja hu stmat li bħalissa hawn 425 miljun persuna li qed tbati bid-dijabete. Id-dijabete tħalli impatt kbir mhux biss fuq il-persuna affetwata imma anki fuq il-familja tagħha inkluż impatt finanzjarju. Fil-fatt it-tema magħżula din is-sena għal dan il-jum hija “Il-Familja u id- Dijabete”. Jeħtieġ li anki f’pajjiżna tiżdied il-kampanja ta’ għarfien lil familji Maltin dwar id- dijabete. Huwa għalhekk li hemm bżonn ta’ aktar diabetic nurse specialists fil-komunità biex ikomplu jqajjmu għarfien dwar id-dijabete u l-impatt negattiv taghħa fost il-familji Maltin. Huwa fatt magħruf li d-dijabete (type 2) tista’ tiġi evitata permezz ta’ d-dietà bilanċjata u eżerċizzju. Huwa propju għalhekk li hemm din il-ħtieġa urġent ta’ aktar għarfien fost il- familji Maltin dwar id-dijabete.
L-Oppozizzjoni terġa’ ttenni t-talba tagħha biex mhux biss jiżdiedu aktar diabetic nurse specialists fil-komunità imma li l-pazjenti jibdew jingħataw b’xejn labar żgħar ta’ 4mm li jweġġgħu anqas. Dan meta ħafna pazjenti jkollhom jittaqbu aktar minn darba kuljum. Nerġgħu ntennu t-talba tagħna biex pazjenti bid-dijabete jingħataw apparrat b’xejn li jissejjaħ continuous blood glucose monitoring li jagħmel monitoraġġ tal-livell taz-zokkor fid-demm b’mod kontinwu mingħajr il-ħtieġa li l-pazjent jittaqqab biex jiċċekja iz-zokkor. Dan l- apparrat minbarra li jevita ħafna tingiż ta’ labar u tbattija fih il-vantaġġ li javża lil pazjent jekk il-livell taz-zokkor fid-demm tiegħu hux tiela jew niżel.
Fl-aħħarnett il-Partit Nazzjonalista jsellem lil eluf ta’ Maltin u Għawdxin, fosthom tfal li jbatu bid-dijabete. Jappellalhom biex jagħmlu kuraġġ u kemm jista’ jkun iżommu mad-dietà adegwata u jagħmlu eċerċizzju b’mod regolari u jkun konformi mal-kura li għandhom bżonn. Insellmu wkoll lill-familji tagħhom li tant jinkwetaw minħabba l-maħbubin tagħhom affetwati b’din il-marda. Il-Partit Nazzjonalista jsellem lil professjonisti kollha li jaħdmu mal- pazjenti tad-dijabete u jirringrazzjahom mill-qalb għas-servizz imprezzabbli tagħhom.
Mario Galea
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Mentali, d-Dementia, l-kura fil-komunità, d- Dijabete, u d-Drittijiet tal-Annimali
14.11.2018