ŻOMM AĠĠORNAT:
Jeħtieġ li nagħtu sinjal li Malta mhix qed titmexxa fid-direzzjoni t-tajba
Il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo jgħid li l-Kap tal-PN Adrian Delia qed jingħata raġun
“Kulħadd għandu d-dmir li jivvota fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew biex nuru li aħna poplu matur u nwasslu sinjal ċar u sod li Malta mhix qed titmexxa fid-direzzjoni t-tajba.”, hekk qal il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo meta kien qed jindirizza l-Kunsill Ġenerali tal-PN.
Robert Arrigo qal il matul dawn ix-xhur il-ħidma fil-PN ma waqfet xejn, u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien fuq quddiemnett f’din il-ħidma, tant li ngħata r-raġun fl-art li kienet se tiġi żviluppata f’Bulebel; dwar l-għases tal-Pulizija magħluqin fil-lokalitajiet; il-bejgħ tat-tliet sptarijiet lil Vitals; il-kawża kontra l-Avukat Ġenerali biex jingħata kopja sħiħa tar- rapport tal-Maġistrat Aaron Bugeja; il-ħarsien tat-tarbija fil-ġuf; is-serq bil-kontijiet aktar għoljin u spissi tad-dawl u l-ilma; u t-tkabbir tal-ekonomija bil-popolazzjoni u mhux bil- produzzjoni. Huwa qal li Adrian Delia ngħata raġun ukoll fil-budget fuq il-bżonn li jkun hawn pjan fit-tul.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li kuljum il-midja qed tirrapporta u tikxef stejjer ġodda ta’ korruzzjoni. Dan meta l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex il-verità tibqa’ mistura mill- poplu, dan billi jittawwlu wkoll il-kawżi fil-Qorti bl-appelli. Huwa qal li kieku kollox huwa trasparenti ma kienx ikun hawn il-bżonn li tmur il-Qorti għax l-istituzzjonijiet jinsabu maħkuma mill-Gvern.
Robert Arrigo qal li l-poplu kollu għandu d-dmir li jivvota fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew sabiex nuru li aħna poplu matur. Huwa qal li jeħtieġ li kulħadd jaħdem sabiex il-Partit Nazzjonalista jżomm it-tielet siġġu, għalkemm il-PN huwa l-underdog f’din l-elezzjoni. Dan biex jingħata sinjal ċar u sod li Malta mhix qed titmexxa fid-direzzjoni t-tajba. Robert Arrigo appella lill-votanti kollha biex jingħaqdu wara l-Partit Nazzjonalista biex jingħata sinjal li l- Maltin iridu soċjetà li jimpurtaha.
Robert Arrigo qal li matul din is-sena kien hawn ħidma kbira għaddejja fil-Partit Nazzjonalista fejn tkellimna man-nies u ma’ oħrajn li ġew fid-Dar Ċentrali jew għall-attivitajiet li ġew organizzati mill-partit. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema u l-voluntiera kollha li b’dedikazzjoni u ħeġġa kbira jaħdmu biex jintlaħqu l-miri li jrid jilħaq il-Partit Nazzjonalista.
21.11.2018