Illum nikteb b’dieqa, imma fuq kollox nikteb b’rabja! Is-soċjeta’ tagħna reġgħet falliet u din id-darba (sfortunatament bħal drabi oħra) falliet fuq diversi livelli.

Inqatlet mara b’mod makabru. Allegatament ġiet stuprata u nqatlet b’mod vjolenti. Imma mhux ġust ngħidu li nqatlet mara u nieqfu hemm. Din il-mara għandha isem, Paulina Dembska. Mara fl-aqwa ta’ ħajjitha li għażlet li tkun f’pajjiżna għax ħabbet lil pajjiżna.

Il-media soċjali dlonk infaqgħet b’messaġġi ta’ solidarjeta’ ma’ Paulina.

Kien hemm xi messaġġi li rajt jien li xeħtuli dawl aktar qawwi fuq l-istat tas-soċjeta’ ta’ pajjiżna. Għax filwaqt li fil-maġġoranza dawn il-messaġġi kienu jirriflettu l-karattru ġenwin u ta’ solidarjeta’ tagħna l-Maltin, kien hemm oħrajn inkwetanti.

Xi wħud mhux qed jaraw, jew qed jirrifjutaw li jaraw, li l-vjolenza fuq il-mara hija bil-wisq aktar vjolenti mill-vjolenza fuq l-irġiel. U filwaqt li KULL forma ta’ vjolenza hija kundannabbli, ma’ nistgħux inħarsu lejn il-qtil ta’ Paulina bħala qtil kwalunkwe. L-indikazzjonijiet tal-awtopsja juru li kienet mewta vjolenti ħafna u li Paulina ġġieldet kontra l-aggressur tagħha. Iżda fuq kollox, jekk l-allegat stupru huwa minnu, dik hija l-vjolenza li n-nisa huma l-iktar vulnerabbli għaliha.

Din il-vulnerabbilita’ għall-istupru u l-abbuż sesswali nsibuha u taċċentwa ruħha aktar f’nisa imigranti, dawk fil-prostituzzjoni u nisa li għandhom xi forma ta’ diżabilita’ fiżika jew intelletwali, kif ukoll fit-tfal, speċjalment il-bniet.

Illum, fil-bidu tas-sena 2022, inutli nagħtu fuq sidirna u ngħidu x’dispjaċir għandna għal dak li ġara. Irridu nieħdu passi ġenwini biex dan l-abbuż u din il-vjolenza tieqaf. U le m’hijiex ħolma jew fantażija li dan isir.

L-ewwel pass hu li nammettu li qed infallu bi kbir. Wara nibdew naraw fejn u kif qed infallu ħalli nieħdu dawk il-passi neċessarji biex l-iżbalji li għamilna s’issa ma’ nibqgħux nagħmluhom.

U fejn u kif fallejna?

Huwa evidenti li l-allegat aggressur għandu passat aggressiv lejn in-nisa u s-sesswalita’ tagħhom. Meta reċentement għamilt mistoqsija parlamentari fuq in-numru ta’ nies li jieħdu l-kura għall-vizzju jew l-ossessjoni tas-sess (bħalma jsir għad-droga, l-alkoħol u l-logħob) kien hemm min daħak bijja. M’għandix dubju li llum ĦADD m’hu qed jidħak!

Mela jidher li jekk verament saru rapporti lill-pulizija, dawn ma’ ħadux il-passi neċessarji. Jista’ jkun ukoll li hemm min ma ħasx li għandu jirraporta. Għax ejja nammettu li meta mara tirrapporta li qed tiġi ffastidjata sesswalment ma tantx nitilqu l-affarijiet minn idejna biex naraw eżattament x’qed jiġri.

U din ngħidha b’responsabbilita’.

Fl-2014, wara numru twil ta’ laqgħat, il-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali tal-Parlament ta’ Malta ippublika rapport fuq il-“Vjolenza Domestika – Vittmi u Servizzi” li kien jinkludi 31 rakomandazzjoni. Jien kont parti minn dak il-kumitat u niftakar tajjeb kemm kien hemm nisa li qalulna li l-Korp tal-Pulizija mhux sensittiv biżżejjed għall-każijiet ta’ vjolenza fuq in-nisa.

Minn dakinhar l-hawn irratifikajna l-Konvenzjoni ta’ Istanbul u dan l-aħħar twaqqfet unit apposta fil-Korp fuq il-vjolenza abbażi tal-ġeneru imma nistaqsi jekk dan huwiex biżżejjed. Li tagħddi l-liġijiet u l-konvenzjonijiet imma ma’ twettaqx dak li jgħidu l-istess liġijiet u konvenzjonijiet huwa falliment totali tas-sistema.

Il-każ ta’ Paulina Dembska ma kienx ta’ vjolenza domestika, imma kieku r-rapporti numerużi fuq l-allegat aggressur ittieħdu bis-serjeta’ ma konniex naslu s’hawn.

Lill-aggressur nirrifjuta li nirreferi għalieh b’ismu għax dak huwa l-ikbar falliment tas-soċjeta’ tagħna. Dan il-ġuvni jidher li ilu bżonn l-għajnuna. Jista’ jkun ukoll li dan l-aħħar seta’ kien hemm min ħaseb li qed jgħin imma każ bħal dan għandu jkun f’idejn il-professjonisti vera.

Falliment ieħor huwa s-sistema tas-servizzi tas-saħħa mentali f’pajjiżna. Dan is-settur dejjem jitqies bħala s-Sindirella tas-sistema tas-saħħa tagħna. Li jfisser li nafu li l-problemi huma kbar imma nibqgħu nipposponu s-soluzzjonijiet għax setturi oħrajn jieħdu l-prijorita’.

Il-professjonisti qed jagħmlu l-mirakli biex jikkuraw lill-pazjenti imma għandhom il-limiti sa fejn jistgħu jaslu. Il-fatt jibqa’ li ħadd ma’ jiddaħħal l-Isptar Monte Carmeli għal xejn! Pero’ dan ma jfissirx li kull minn għandu problemi ta’ saħħa mentali huwa aggressiv jew qattiel.

Jidher li l-qtil ta’ Paulina Dembska huwa każ ta’ femiċidju. Dan ifisser li Paulina nqatlet għax hija mara. Inqatlet minn raġel, li possibilment lanqas biss kien jafha, imma li f’dak il-mument ħass li għandu s-superjorita’ fiżika u l-poter li jagħmel dan.

Illum nistgħu nippuntaw subajna lejn diversi nies imma rridu nibdew billi naraw aħna x’qed nagħmlu u x’nistgħu nagħmlu. Ma nistgħux nitkellmu biss meta tinqatel mara oħra. Għandna dmirijiet u obligi lejn diversi persuni li huma vulnerabbli u oħrajn li għandhom bżonn urġenti tal-għajnuna.

Importanti li niftakru li nqatlet mara oħra ... Jisimha Paulina Dembska.

Claudette Buttigieg

About

Deputy Speaker Parliament of Malta.Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq it-12 u it-13 Distrett.