Għaddew aktar minn 48 siegħa minn meta The Sunday Times of Malta ppubblikat l-aħbar li għall-ewwel darba torbot lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat ma’ trasferiment ta’ eluf ta’ ewro f’ċirkostanzi dubjużi.
Sa issa, wara 48 siegħa, Robert Abela qal biss dak li diġà konna nafu: li hemm inkjesta maġisterjali dwar il-bejgħ skandaluż ta’ tliet sptarijiet. Ma kellna l-ebda reazzjoni mill-Pulizija lanqas.
Fl-istess waqt, Joseph Muscat qed isostni li dan it-trasferiment ta’ flus kien ħlas għal xogħol leġittimu. Qal li l-fatti li ġew ippubblikati jagħtu stampa differenti, iżda dak għandhom jarawh il-pulizija, u dan immedjatament.
Il-Financial Crimes Investigation Department tal-Pulizija u l-FIAU għandhom jinvestigaw mingħajr l-ebda dewmien l-imġiba ta’ Joseph Muscat, il-ħuta l-kbira, u mhux jagħmlu assedju fuq familji fin-negozju u professjonisti tal-affari tagħhom illi qegħdin iħossuhom ippersegwitati.
Nistennew li l-Kummissarju tal-Pulizija jiftaħ investigazzjoni dwar il-ħlasijiet li rċieva Joseph Muscat.
Il-fatti li saru magħrufa nhar il-Ħadd iqajmu suspetti kbar marbuta mal-proġetti li jinvolvu lill-Gvern Malti u miljuni ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi. Mhux ta’ b’xejn illi Joseph Muscat se jibqa' mniżżel fl-istorja bħala wieħed mill-aktar politiċi korrotti tad-dinja.
Transazzjonijiet bħal dawn, speċjalment meta wieħed iqis li Joseph Muscat innifsu kien stqarr li mhux se jaħdem għal kumpaniji marbuta ma’ kuntratti tal-Gvern, għandhom jiġu investigati mill-ewwel. Il-Pulizija għandhom jieħdu azzjoni minnufih u jagħtu rendikont tal-ħidma tagħhom, biex il-poplu Malti u Għawdxi, kif inhu dritt tiegħu, ikollu moħħu mistrieħ li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna qegħdin jaħdmu.
Sa issa, l-investigazzjonijiet kollha donnhom waqfu saff 'il bogħod mill-politiċi. Iżda l-politiċi mhumiex untouchables. Huma l-aktar li jridu jinżammu responsabbli. Malta trid tara riżultati konkreti u mhux 20 każ miftuħa u ma jiġri xejn! Sa issa f’sentejn ta’ investigazzjonijiet ma tressaq ħadd.
Robert Abela, il-konsulent legali ta’ Joseph Muscat, is-suċċessur magħżul ta’ Joseph Muscat, irid jiddiżassoċja lilu nnifsu, lill-Gvern li huwa jmexxi u lill-Partit tiegħu, minn Joseph Muscat. Robert Abela irid iħalli l-pulizija jaħdmu.
Jekk ma jagħmilx hekk Robert Abela ser ikun qiegħed ikompli jikkonferma li għadu jipproteġi lil Joseph Muscat u jaġixxi fuq l-istruzzjonijiet tiegħu.
Mhux ta b’xejn li Robert Abela jibqa' jaħseb li ma nistgħux noħorġu mil-Lista l-Griża mill-aktar fis possibbli.
Aħna konvinti li jekk il-pulizija tagħmel xogħolha, u l-istituzzjonijiet kollha jagħmlu xogħolhom, dan il-pajjiż jista’ jerġa' jibda jieħu l-kredibbiltà tiegħu.

Bernard Grech

About

Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali fuq il-5 u il-11 Distrett.