ŻOMM AĠĠORNAT:
Joseph Muscat jiftaħar b’suċċess li mhux qed jasal għand kulħadd
Joseph Muscat qal li t-tqassim tal-ġid huwa l-ikbar kejl tas-suċċess, meta bis-7 budget li ppreżenta l-Gvern immexxi minnu l-ġid li qed jinħoloq mhux jasal għand kulħadd. Il-budget jinjora l-fatt li l-faqar finanzjarju żdied b’10,400 f’dawn l-aħħar ħames snin minn 61,700 għal 72,100, li l-pagi jinsabu taħt pressjoni minħabba ċ-cheap labour bil-politika tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni, u li hawn 72,000 persuna li jinsabu fir-riskju tal-faqar.
Filwaqt li Joseph Muscat jiftaħar li dan kien budget bla taxxi ma qal xejn fuq iż-żidiet li l- familji u l-pensjonanti qed jaraw tul is-sena kollha bħalma huma ż-żieda ta’ 4.4% fil- prezzijiet tal-ikel, iż-żieda ta’ 4% fil-petrol u 4% fid-diesel, żieda ta’ 3% fil-prezz tal-gass u żidiet oħra fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali. L-aħħar statistika turi wkoll żieda ta’ 1.6% fl- inflazzjoni, li tfisser li ż-żieda ta’ €2.33 fil-ġimgħa żgur li mhix biżżejjed biex persuni bi dħul baxx ilaħħqu mal-ħajja.
Il-budget tal-Gvern iħalli barra bosta setturi fosthom lin-nisa, l-bdiewa, s-sajjieda u d- dilettanti tal-motorsports fost l-oħrajn, u naqas li jindirizza l-problemi li l-ħoloq il-Gvern stess bħalma huwa s-serq li l-familji li qed jaffaċċjaw bil-mod kif qed iħaddem ħażin il- kontijiet tad-dawl u l-ilma bil-konsegwenza li l-familji qed iħallsu aktar għall-enerġija. B’dan il-budget, persuni li kienu qed ibatu biex jaslu sal-aħħar tax-xahar se jibqgħu jbatu.
28.10.2018