ŻOMM AĠĠORNAT:
Joseph Muscat jinsab dahru mal-ħajt u mhu qed jemmnu ħadd
Huwa surreali kif Joseph Muscat jiftaħar li qegħdin ninsterqu biss €100 miljun fis-sena mill- power station tal-Electrogas, wara li ammetta li qegħdin ninsterqu €200 miljun kull sentejn.
Bħal Joseph Muscat, Konrad Mizzi wkoll qed jiftaħar bir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratti tal-Enemalta mal-Electrogas meta dan ir-rapport huwa kundanna ċarissima fuq il- Gvern. Konrad Mizzi bħal Joseph Muscat jgħix f’dinja parallela. Meta Konrad Mizzi qed jgħid li r-rapport tal-Awditur Ġenerali huwa xempju ta’ best practice qed jikkonfermalna li se nibqgħu ninsterqu mill-kuntratti kollha tal-Gvern.
Joseph Muscat li għadu qed jipproteġi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri qed jagħtina garanzija li se nibqgħu ninsterqu, bħalma ġejna misruqa meta ta t-tliet sptarijiet lil Vitals u telqu b’€50 miljun, bl-Università Amerikana, bl-€14 miljun tal-hedging għall-enerġija u bl- €40 miljun li xi ħadd ħa f’sena waħda biss bid-deal ħażin mas-SOCAR għax-xiri tal-gass.
Jekk verament Joseph Muscat għandu għal qalbu r-reputazzjoni ta’ Malta għandu jkeċċi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi minnufih iżda ma jistax għax għandu idejh marbutin. Joseph Muscat jinsab dahru mal-ħajt mhux qed jgħid il-verità u mhu qed jemmnu ħadd.
02.12.2018