Bħala Deputati tal-Oppożizzjoni fuq il-Kumitat tal-Parlament għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika,jidhrilna li l-Parlament ma jistax jibqa’ jtawwal milli jaffaċċja l-fatt li l-Ministru Justyne Caruana instabet li kisret l-etika u wettqet abbuż ta’ poter meta tat trattament preferenzjali lis-sieħeb tagħha bl-użu ta’ fondi pubbliċi.

Għalhekk aħna ktibna lill-Ispeaker biex din il-ġimgħa jsejjaħ laqgħa tal-Kumitat għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika u jekk huwa diffiċli li ssir laqgħa din il-gimgħa, aħna qed ninsistu u disposti li niltaqgħu meta jrid il-gimgħa d-dieħla. Ma jistax ikun li nħallu din is-sitwazzjoni gravi tkarkar sas-sena d-dieħla. 

Il-ġlieda kontra l-kultura ta’ impunità li ħakkmet lil pajjiżna trid tiġi tkompli kuljum u f’kull ċirkostanza u ma tistax tieqaf għall-vaganzi. 

Nemmnu li lkoll kemm aħna qegħdin fil-Parlament biex nirrapreżentaw il-poplu. F’din il-pożizzjoni għandna l-obbligu li niżguraw imġieba tajba u xierqa. Barra minn hekk, il-Kostituzzjoni tagħna tobbliga lill-Gvern biex jirrispondi lill-Parlament u tobbliga lill-Parlament biex ikun għassies fuq il-Gvern.

Il-gravità tas-sitwazzjoni tal-Ministru Justyne Caruana tobbligana li ma nibqgħux ċassi. Nemmnu li l-Ispeaker għandu jieħu l-passi meħtieġa u jiżgura li l-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jiltaqa’ b’mod urġenti.

 

Karol Aquilina

Kelliem għall-Ġustizzja

 

Therese Comodini Cachia

Kelliem għad-Drittijiet Umani

u l-Governanza Tajba

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt