Robert Abela għandu jneħħi lil Justyne Caruana b’mod immedjat. Dan wara li l-Kummissarju tal-Istandards sabha ħatja li kisret il-kodiċi fl-għoti ta’ kuntratt ta’ €5,900 fix-xahar lill-ħabib intimu tagħha.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien intervistat fuq NET Television. Bernard Grech qal li bħala Ministru tal-Edukazzjoni, Caruana għandha tkun qed tmexxi bl-eżempju u semma li għalliem jaqla’ paga ta’ €1800 u l-ħabib intimu tal-ministru jaqla’ €5,900 fix-xahar għar-rapport li kitiblu ħaddieħor.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li skont l-istandards baxxi tiegħu stess, bħal fil-każ ta’ Rosianne Cutajar, Robert Abela għandu tal-inqas ineħħi lil Justyne Caruana mill-portafoll li hi responsabbli għalih.

Fl-intervista ssemmiet storja oħra li dehret fil-ġurnali llum, dik dwar intervista li kellu l-kap eżekuttiv ġdid tal-MFSA u li waqqafha meta l-mistoqsijiet ma bdewx idoqqu għall-widnejh. Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jsostni li din l-attitudni turi li l-għażliet qed jagħmel il-gvern żgur mhux se jgħinu biex ir-reputazzjoni ta’ Malta titjib.

Dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija l-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-ewwel prijorità tagħna għandha tkun li nieħdu ħsieb lil xulxin. Il-vaċċin u l-booster urew li huma vitali biex insalvaw ħajjiet u jippermettulna nkomplu ngħixu bl-aħjar mod normali possibbli. Huwa ħeġġeġ lill-gvern biex ikun iktar trasparenti fid-data li jippreżenta u d-deċiżjonijiet li jittieħdu biex ma tintilifx il-fiduċja tal-pubbliku f’din il-battalja.

Bernard Grech semma wkoll kif il-ġimgħa li għaddiet rajna rapport wieħed wara l-ieħor li jikkonferma dak li ilha tgħid l-oppożizzjoni. It-tberbiq ta’ flus il-poplu sar l-ordni tal-ġurnata. Infieq bla rażan, bil-ħafna qed imur għand il-ftit tal-qalba.  Hu għalhekk li l-Oppożizzjoni qed tibqa’ tinsisti biex il-Gvern jinvesti flusu fejn għandhom jiġu investiti, fin-negozji, restoranti, lukandi u ħaddiema tagħna.

Dwar il-liġi tal-Kannabis il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li anke f’dan ir-rigward il-Gvern qed jibqa’ għaddej minn fuq kulħadd u njora t-talba ta’ 53 għaqda u individwi, inkluż akkademici u l-president emeritu Marie Louise Coleiro Preca  li appellaw lill-Gvern biex iressaq emendi qabel ma tkun approvata l-Liġi li tillegalizza l-użu tad-droga Kannabis. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Parlament għandu jilleġiżla biss biex tissaħħaħ is-soċjetà Maltija u m’għandu qatt jintuża minn partit politiku biex lejliet elezzjoni ġenerali joħloq diversiv minn fuq issues li huma tassew urġenti għal pajjiżna.

Dwar l-għoli tal-ħajja, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li kull ma jmur din il-problema qed tkompli tiżdied bil-gvern jagħżel li jinjora milli jindirizza l-problema.  Huwa semma fost oħrajn il-proposta tal-Partit Nazzjonalista li jitwaqqaf fond nazzjonali, intiż biex il-Gvern jassisti lill-industrija lokali, imprendituri u SMEs sabiex jitnaqqsulhom id-diffikultajiet u spejjeż żejda kkawżati mill-insularitá ta' gżiritna. Fl-ewwel sena ta’ Gvern Nazzjonalista dan il-fond ser ikun ta’ €40 miljun.

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt