Ilbieraħ ir-rappreżentanti tal-Oppożizzjoni pparteċipaw fil-kumitat tal-abbozzi li ddiskuta l-liġi tal-Kannabis, fejn il-Gvern baqa’ għaddej mill-proċess mingħajr ma’ ta’ widen għall-ebda tħassib jew proposta li tressqet tul laqgħa ta’ erba’ sigħat.

F'din il-laqgħa, fil-preżenza ta' numru ta' għaqdiet u entitajiet, l-Oppożizzjoni ressqet sensiela ta’ punti ta' tħassib serju fuq il-liġi kif proposta, fost l-oħrajn:

  1. Kien evidenti li ma’ sar l-ebda studju jew analiżi ta’ impatt fuq il-bidliet li qed jiddaħħlu. Dan imur kontra kull prinċipju bażiku li l-leġiżlazzjoni trid tkun ibbażata fuq l-evidenza u fuq kif ser timpatta s-soċjeta.
  2. Il-livell ta’ potenza tat-THC fid-droga li ser tiġi kkultivata, mqassma u kkunsmata mhux qed jiġi kkontrollat bir-riskji ta’ saħħa serja li dan kollu ser iġib miegħu, b’mod partikolari għal persuni vulnerabbli.
  3. Il-Gvern injora l-appell biex titnaqqas iż-żieda ta’ 800% fil-limiti tal-pussess li hija meqjusa qabża eżaeġerata u li saret mingħajr ebda studju jew analiżi ta’ impatt.
  4. Il-Gvern injora l-appell sabiex l-eta’ ta’ użu permissibbli tal-anqas titla minn 18 għal 25 sena hekk kif irrakkomandaw l-esperti tas-saħħa mentali.
  5. Il-Gvern injora t-thassib li t-tkabbir tal-pjanti fid-djar ser jispiċċa jsir fil-preżenza tat- tfal li jabitaw f’dawn ir-residenzi. Id-drittijiet tat-tfal u ta’ dawk li ma’ jużawx id-droga fl-istess residenza ġew kompletament skartati.
  6. Il-Gvern ma’ tax widen għall-karba tal-iskejjel biex il-limitu tad-distanza ta’ 250 metru l bogħod minn istituzzjoni edukattiva jiżdied biex jitnaqqas ir-riskju tat-tfal u ż-żgħażagħ.
  7. Il-Gvern ma’ kellu l-ebda risposta dwar x’ser jiġri mis-surplus ta’ kannabis li ser jiġi prodott fir-residenzi u fl-organizazzjonijiet tal-ikkultivar u t-tqassim tal-kannabis.
  8. Il-Gvern ma’ kienx dispost li jeskludi lit-turisti li jżuru f’pajjiżna milli jkunu membri fl-organizazzjonijiet tal-ikkultivar u t-tqassim tal-kannabis, biex b’hekk pajjiżna issa ser jiftaħ il-bibien għat-turiżmu marbut mal-kannabis.

Sfortunatament, dak kollu li ressqet l-Oppożizzjoni, l-esperti, l-imsiehba socjali u diversi professjonisti u għaqdiet ġie injorat ghal kollox mill-Gvern fejn kien ċar li ma’ kienx dispost ibiddel ebda parti tal-liġi.

Kif għamlet fl-istadji kollha, l-Oppożizzjoni ser tivvota kontra din il-liġi li ser tinnormalizza l-użu tad-droga f’pajjiżna u tiskarta għal kollox l-interess tat-tfal u tal-ġid komuni.

Huwa l-Gvern li issa għandu jġorr ir-responsabbiltà ta’ dawn id-deċiżjonijiet li ser jesponu lis-soċjeta’ għal ħafna aktar riskji.

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt