F’dawn l-aħħar snin Malta tmexxiet minn Gvern li emmen li l-gideb jipproteġih, però m’għarafx li xejn ma jibqa fid-dlam, ma ndunax li l-gideb iżommu l’ bogħod mill-verita.

F’dawn l-aħħar snin, Malta tmexxiet minn bnedmin li (uħud minnhom) ħassewhom fit-Torri ta’ l-Avorju. Arroganti.  Biex tkellimhom, qisek qed tkellem xi alla.   Hemm min jinjorak totalment.   Jinjoraw Deputat, aħseb u ara kemm se jisimgħu lil Ġakki (isem fittizju) li joqgħod fil-periferija tal-Baħrija, li dan qatta għomru kollu fl-għalqa li ħallilu missieru. “Imma x’ tistenna mit-tfal?”  Ikkummentali wieħed laburist.   Għax meta tkun inviżibbli, in-nies ma jkunux jistgħu jarawk. Il-laburist jew aħjar il-mintoffjan iħossu tradut.   Kompla jgħid li jħossu eżatt bħal meta “rabba kelb u gidmu”.

Laburisti ġenwini jeżistu u bħal bqija tal-Maltin onesti iridu li l-Politika terġa ssir KELMA.   Imma minħabba l-egoiżmu u r-regħba ta’ xi wħud, lil Malta tefgħuha fl-abissi ta’ l-infern.   Madanakollu jibqa l-fatt li dak li qed jaraw il-Maltin ta’ rieda tajba, huwa l-bogħod minn dawk li lilna qatt ma jistgħu jifhmuna.   Il-konklużżjoni toħroġ weħidha.   Dawn m’ għandhomx l-istess valuri tagħna.  L-unika arma li għandhom hi li jgħadduna bi żmien.  Jibqgħu imeru s-sewwa magħruf.  

Jafu bl-isplużjoni tal-għoli tal-ħajja.  Jafu wkoll li dan is-settur  irrombla fuq dawk l-aktar dgħajfa.  Imma dawn jaħarbu l-inkontri billi jsemmu l-miżuri li wettqu, liema miżuri bla ebda studju u pjan.  Dawn jillimitaw id-diskussjoni billi jgħażlu jgħidu li għalihom kollox miexi sew.  Għax dak li jiġri meta tkun maqful f’ torri ta’ l-avorju.  Min ikun fit-torri ta’ l-Avorju, l-affarijiet jarhom kif jixtieq jismagħhom.  Dak li jiġri meta int tkun għaddej tajjeb u ma jinteressakx mill-oħrajn.  Flok ma ddeċidew jolqtu l-isfidi billi jisimgħu mill-Oppożizzjoni u jirrispondu aktar kmieni u b’ umilta’, jagħżlu  jiċħdu lil min qiegħed fil-faqar, għax lanqas biss jirrikonoxxuhom.  Jemmnu li għandhom dritt divin.  

Uħud minnhom sajmin mill-imħabba lejn pajjiżna u l’  prijorita tagħhom tibqa buthom.   Ngħiduha kif inhi, żaqq mimlija qatt ma fhmet liż-żaqq vojta. U filwaqt li jużaw l-arma tas-suppervja jgħidulna biex nistħu.    

Nistħi kieku naqla €600 kuljum f’ direct orders.  Nistħi kieku nċanfar ġurnalist, għax qed jagħmel xogħolu u jistaqsini fuq il-korruzzjoni li nkun wettaqt jien jew sħabi. Nistħi kieku fi żmien meta kont fl-Oppożizzjoni dejjem neqred fuq il-prekarjat, u li ser neredika l-faqar, imbgħad meta kiseb dak li ried, mhux talli ma sparixxiex l-prekarjat u l-faqar, talli dawn żdiedu b’ mod allarmanti. Nistħi kieku nkun kompliċi u b’daqqa ta’ pinna naqla dak li jien irrid mal-500 sena biex naqla dak li jaqilgħu huma f’sena.  Nistħi kieku nuża l-power of incumbency għal gwadann tal-voti. 

Infakkar li qabel l-elezzjoni tal-2017, tal-labour biex jakkwistaw il-voti b’ mod faċli u diżonest, kien qabad grupp ta’ ħaddiema tal-Gvern li kienu skala 16 u b‘daqqa ta’ pinna għollihom għal skala 13.  L-aqwa li ħadu l-vot tagħhom.   Xejn kontra dawn il-ħaddiema, anzi kuntent għas-suċċess tagħhom, imma taf x’ inhu ħażin?   ..... li hemm bnedmin li d-dħul tagħhom ma jservihomx sa l-aħħar tax-xahar.  Uħud minnhom huma anzjani.  Addio s-servizz li wettqu, addio t-tbatija li batew. Għal min hu onest u bata f’ ħajtu m’ għandna xejn. Għax il-ħniena mhiex materja li titkellem dwarha biex tikseb il-voti.   Il-Ħniena hi materja li tipprattikaha.  Jekk din mhiex inġustizzja, allura ma nafx il-kelma Ġustizzja xi tfisser għal Gvern. 

Pajjiżna għadu jħallas il-prezz tal-ftehim li sar fir-raba sular.  Pajjiżna qed iħallas il-prezz tal-wegħdiet li għamlu ma’ xi wħud.   Mhux ta’ b’ xejn spiċċajna fil-lista l-griża u mhux ta’ b’ xejn ħadd mill-esponenti tal-Gvern ma kkummenta dwar ċifri ppubblikati mill-NSO, li jxejnu l-kantaliena ta’ Robert Abela li l-qagħda finanzjarja prekarja ta’ pajjiżna hi taħt kontroll b’ dejn ta’ €7.8 biljuni.

Ninsabu fi stat tal-biki.

Ġew f’ sitwazzjoni ambigwa. Bħal kummidjant li jitħallas biex idaħħaq, u minflok spiċċa jbikki l-udjenza ta’ quddiemu. Dawn qishom għalliem li ma jafx jaqra u jikteb.  Għax hekk jiġri min joħloq il-maltempati, .... jistenna li jixxarrab.   Irnexxilhom jaqilbu d-dinja ta’ taħt fuq. M’ għadhomx kredibbli, u jekk mhumiex jindunaw b’ dan allura ma fadalli xejn ħlief li ngħidilhom “Intom inkredibbli ... Intom bħall-isħab, meta twarrbu intom, il-ġurnata tkun ferm isbaħ!”

Dawn libsu ġlekk u ħamġuħ, bnew kollox fuq slogans sentimentali.  Nittama li dan il-manuvrar kodard tagħhom, xi darba jisfronda kull qiegħ.

Ivan Bartolo

About

Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq is-7 u il-11 Distrett.