Fid-dawl tal-manipulazzjoni partiġġjana kontinwa mix-xandir pubbliku u fid-dawl tan-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Awtorità tax-Xandir il-Partit Nazzjonalista,ressaq rikors quddiem il-Qrati biex tinfetaħ Kawża Kostituzzjonali kontra l-Awtorità tax-Xandir, il-Public Broadcasting Services Ltd (PBS) u l-Ministru Carmelo Abela responsabbli mix-xandir nazzjonali biex kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu u biex jiżguraw li din is-sitwazzjoni ma tibqax għaddejja.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjoanlista David Agius, mis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Francine Farrugia.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jisħaq fuq il-bilanċ u l-imparzjalità fuq ix-xandir, b’mod partikolari fuq ix-xandir nazzjonali mħallas mill-poplu.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li fl-aħħar xhur u ġimgħat, il-Partit Nazzjonalista għamel bosta tentattivi, inkluż b’konferenzi tal-aħbarijiet u saħansitra bi żjara tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech lill-Awtorità tax-Xandir, biex jiġbed l-attenzjoni tal-Awtorità u tal-PBS dwar il-propaganda Laburista kontinwa u l-iżbilanċ sfaċċat fuq ix-xandir nazzjonali.

Minkejja dan kollu, matul l-aħħar xhur is-sitwazzjoni ma nbidlitx, u bilkemm ma marritx għall-agħar: il-bumbardament ta’ propaganda u x-xita ta’ riklami favur il-gvernkomplew jiżdiedu b’mod partikolari fil-ġimgħat tal-baġit u fl-aħħar ġimgħat lejliet elezzjoni ġenerali.

Għalkemm il-Partit Nazzjonalista pprotesta dwar dan u ngħata rimedju mill-Awtorità tax-Xandir biex iwassal il-messaġġ tiegħu għal ftit minuti, il-klikka ta’ Robert Abela fil-PBS xorta sfidat id-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir u bdiet turi l-messaġġ tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista bejn żewġ riklami tal-gvern imħallsin mill-flus tal-poplu.

Filwaqt li l-PBS kompla jisfida d-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir, l-Awtorità għażlet li torbot idejha u ma tieħu l-ebda pass biex twaqqaf dan l-abbuż. Minflok, ħalliet lill-klikka ta’ Robert Abela tibqa’ taħtaf ix-xandir tan-nies f’kull ħin tal-ġurnata.

Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino fakkar li, “l-Partit Nazzjonalista ilu xhur sħaħ jipprova jasal biex l-Awtorità tax-Xandir u l-PBS jieħdu l-azzjoni meħtieġa fil-konfront ta’ dan l-iżbilanċ u għaldaqstant il-Partit ma kellux alternattiva ħlief li jieħu passi legali biex iħares id-drittijiet umani tal-Oppożizzjoni u tal-poplu Malti li jistħoqqlu xandir u messaġġ bilanċjat.”

Il-kandidat Francine Farrugia qalet, “Hija r-responsabbiltà tal-PBS li jara li jkollna xandir bilanċjat, iżda minflok qed jibqa’ maħtuf mil-Labour. U dan ħareġ fid-deher ukoll fl-abbuż ta’ €2.4 miljun ewro mill-flus tan-nies biex tellgħu l-Malta Film Awards fl-aħħar tal-ġimgħa l-oħra.”

Fi żmien meta l-poplu xeba’ bit-tberbiq tal-miljuni lil tal-qalba, u l-ħlasijiet eżaġerati lilhom infushom, bħala Partit Nazzjonalista kommessi li nistinkaw biex il-messaġġ tagħna jasal għand il-poplu kollu kif jixraq f’demokrazija moderna biex il-poplu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-informazzjoni kollha biex ikun jista’ tassew jieħu deċiżjoni infurmata dwar il-futur li jixtieq għalih, għal uliedna u għal pajjiżna.

 

05.02.2022

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt