Għall-Partit Nazzjonalista l-abbozz ta’ liġi li jindirizza l-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hu importanti u se jibqa’ jara li jiġi diskuss mill-aktar fis fil-Parlament, minkejja li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex dan ma jsirx.

Saħaq dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien intervistat fuq NET Television. Huwa rrefera għad-diskors li għamel il-Prim Ministru s-Sibt fejn sejjaħ lil dan l-abbozz bħala gimmick. Huwa fakkar li gimmick hi inkjesta’ ta €8 miljuni li saret għax il gvern ħalla bank bħal Pilatus jopera minn Malta, maġistrat jiffirma arrest warrant u kważi sena wara għadu mhux esegwit.  Qal li dak li għamel Robert Abela b’reazzjoni għal dan l-abbozz hu pass żgħir ħafna ta’ gvern f’paniku wara li ra l-abbozz ta’ liġi li ġie ppreżentat lill-ispeaker.

Suġġett ieħor trattat kien l-Air Malta u t-tkeċċija ta’ aktar min-nofs il-ħaddiema. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern Laburista falla pajjiż u falla wkoll l-Air Malta bl-inkompetenza u l-korruzzjoni. Il-Gvern ammetta li tilef il-kredibiltá, ħa l-agħar deċiżjonijiet u nganna lill-ħaddiema u lill-poplu Malti.

Is-Sibt Robert Abela qal ukoll li f’dawn l-aħħar sentejn ma kienx hemm każ wieħed ta’ governanza ħażina, Bernard fakkru f’tal-anqas 12-il każ differenti li feġġew f’dawn l-aħħar xhur. Dan fl-istess waqt li fl-aħħar minn sensiela ta’ skandli, Chris Fearne ta xogħol lill-campaign manager tiegħu ta' €13,000 fix-xahar minn flus il-poplu.

Bernard Grech qal li Robert Abela ta l-ikbar konferma li sentejn bħala Prim Ministru u disa’ snin gvern Laburista huma iktar minn biżżejjed u pajjiżna għandu bżonn mill iktar fis tmexxija serja li ddawwar id-direzzjoni ta’ pajjiżna u terġa’ tgħolli isem pajjiżna.

Dwar il-pandemija il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista hu favur il-vaċċin u l-booster. It-tnejn qed jagħmlu xogħolhom u aħna nemmnu bis-sħiħ fix-xjenza. Il-Partit Nazzjonalista jemmen ukoll fil-libertá, ir-raġunar u l-bilanċ. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għandna nipperswadu lin-nies u mhux nisfurzawhom għaliex ir-raġuni ma tridx forza.

Dwar il-wage supplement, Bernard Grech saħaq  li kienet il-pressjoni li għamel il-Partit Nazzjonalista li wasslet biex il-Gvern ċeda, u kellu jħabbar li se jestendi l-wage-supplement sabiex jibqa' għaddej anke wara l-aħħar ta' Jannar. Bħala Partit Nazzjonalista se nibqgħu naraw li l-Gvern mill-kliem jgħaddi għall-fatti u jibqa’ jipprovdi l-għajnuna neċessarja kemm hemm bżonn.

Dwar l-għoli tal-ħajja Bernard Grech qal li quddiem ir-realtajiet li qed jaffaċċjaw il-familji, fosthom dik tal-għoli tal-ħajja, għandna Gvern li għalih qisu xejn m’hu xejn, għalhekk il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jisħaq għal azzjoni u soluzzjoni.

 

16.01.2022

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt