Konrad Mizzi.

Ma hemmx minn fejn tibda... imma sal-lum, ma tafx fejn għandek tispiċċa.

Meta f’Ġunju tal-2020 kien żvelat minn investigazzjoni tat-Times of Malta u tar-Reuters li Konrad Mizzi, fiż-żmien meta kien Ministru għall-Enerġija, għen biex Yorgen Fenech (illum miżmum bl-allegat involviment tiegħu fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia) idaħħal qliegħ ta’ €4.6 miljun fil-kumpanija infami 17 Black wara li l-Gvern Malti ta’ Joseph Muscat xtara Wind Farm fil-Montengro, il-Prim Ministru Robert Abela sejjaħ għal investigazzjoni. Abela kien ta assigurazzjoni li l-investigazzjonijiet għandhom jaslu għall-konklużjonijiet. Eventwalment, Konrad Mizzi tkeċċa mill-Partit Laburista fl-istess xahar.

Sal-lum, Konrad Mizzi għadu qed jaħrab il-ġustizzja anke jekk hemm ħafna evidenza li tikkonferma s-serq ta’ miljuni f’diversi proġetti li kien involut fihom bħala Minsitru.

Imma min hu Konrad Mizzi?

Konrad Mizzi kien il-Ministru responsabbli meta l-Enemalta nnegozjat u xtart ishma f’Windfarm fil-Montenegro biex il-kumpanija sigrieta ta’ Yorgen Fenech 17 Black tagħmel qliegħ ta’ miljuni kbar. Fil-fatt, l-Enemalta ħarġet €10 miljuni biex tixtri sehemha minn kumpanija bl-isem ta’ Cidifex li kienet ta’ Yorgen Fenech u li xtrat l-istess ishma ftit ġimgħat qabel għal anqas minn €3 miljuni. 6 xhur wara, inċidentalment Cidifex bagħtet €4.5 miljun bħala profitt lil 17 Black. Interessanti ħafna li fl-istess perjodu, nafu b’email mibgħuta minn Nexia BT li fiha nikkonfermaw li 17 Black se tkun is-sors li tiffinanzja l-kumpanija sigrieta ta’ Konrad Mizzi (u oħra ta’ Keith Schembri) li kienu żvelati snin qabel fil-Panama Papers.

Konrad Mizzi kien Ministru ewlieni tal-Gvern ta’ Muscat (Ministru tas-Saħħa) meta d-dinja saret taf li Mizzi kien l-uniku Ministru minn fost il-Ministri kollha tal-Unjoni Ewropea li jissemma fil-Panama Papers. Interessanti ħafna li sirna nafu wkoll li l-Kumpanija Hearnville u t-Trust fin-New Zealand twaqqfu fl-istess jum li Gasol (il-Konsorzju msieħeb mal-Power Station ta’ Delimara) biegħ l-ishma tiegħu għal qliegħ ta’ miljun kbar ta’ ewro.

 

 

Konrad Mizzi kien il-Ministru ewlieni tal-Gvern ta’ Muscat meta l-Gvern Malta nnegozja l-bejgħ ta’ 3 sptarijiet Maltin, inizjalment lil Vitals (u mbagħad Steward), proċess li possibbilment kien illegali, skont kif deskritt mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar f’rapport qawwi f’Lulju tal-2020. Skont dan ir-rapport, kien hemm kollużjoni bejn il-Gvern u l-Investituri privati li eventwalment ingħataw il-konċessjoni li jmexxu t-tliet sptarijiet pubbliċi għaliex kien hemm arranġamenti determinati bejn iż-żewġ partijiet qabel is-sejħa formali kienet ippubblikata.

Imma Konrad Mizzi kien imsejjaħ quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet pubbliċi li qed jinvestiga l-proġett tal-Electrogas wara l-kundanna mill-Awditur Ġenerali. Fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali kien sab diversi nuqqasijiet kbar fosthom l-involviment ta’ Nexia BT biex il-kuntratt jingħata lill-Electrogas li fiha għandu sehem Yorgen Fenech tas-17 Black, l-allegat mandat tal-qtil ta’ Caruana Galizia. Kienet l-istess Nexia BT li waqqfet il-kumpaniji fil-Panama ta’ Konrad Mizzi (u Keith Schembri) li fihom kellhom jirċievu €5,000 kuljum mill-kumpanija 17 Black. L-Awditur Ġenerali kkundanna wkoll il-garanzija bankarja ta’ €360 miljun mogħtija mill-Gvern biex ikun assigurat li d-deal iseħħ, liema garanzija tqieset bħala “irregolari” u “riskjuża”. Aktar minn hekk, l-Awditur Ġenerali sab li l-elettriku ġġenerat mill-Power Station tal-Electrogas hu ogħla minn dak iġġenerat mill-Interconnector. Fil-fatt, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar kien fisser kif ir-rati bejn Ġunju tal-2017 u Awwissu tal-2018 jiffavorixxu l-elettriku ġġenerat mill-Interconnector fuq dawk tal-Electrogas li kienu ta’ €61.75/MWh u €112.39/MWh rispettivament għall-istess perjodu. Minkejja kollox, il-Gvern xorta ntrabat li jixtri l-elettriku ġġenerat mill-Electrogas għax skont il-kuntratt iffirmat minn Konrad Mizzi, Malta trid tixtri l-minimu ta’ €131.6 miljun f’gass kull sena b’rata fissa ta’ €9.4 għal kull unit.

Għal dan kollu, Konrad Mizzi, għad għandu ħafna xi jwieġeb u l-ebda “oral presentation” mhi se tiskansah mill-ġustizzja.

Justin Schembri

About

Edukatur. Kandidat għat-8 u l-1 Distrett. Minority Leader fil-Kunsill Lokali Birkirkara. Impenjat favur l-Edukazzjoni, l-Ambjent u l-Ġustizzja Soċjali. Iggradwat fil-Malti u fil-Politika. Determinat favur il-bidla.