Jekk ikun hemm ġlied militari l-konsegwenzi huma qawwija u jkun aħjar dejjem li, diffiċli kemm huma diffiċili r-relazzjonijiet, wieħed jagħraf kif jikkoabita milli li jiġi fl-idejn

 

Ma tgħaddix ġurnata waħda jekk ma nisimgħux jew ma narawx rapporti ġodda dwar x’qed jiġri fil-kunflitt Russja-Ukrajna bl-aħħar żviluppi jkunu l-bastimenti tal-gwerra Russi jgħaddu minn bejn pajjiżna u Sqallija.

Dawn ma kenux affarijiet sbieħ u diversi kienu l-pajjiżi, inkluż mill-Mediterran stess, li appellaw għad-djalogu biex id-differenti jkunu solvuti madwar il-mejda tan-negozjati.

Bla dubju ta’ xejn li pajjiżna jsegwi mill-qrib dak kollu li jkun qed jiġri f’dan il-kuntlitt Russja-Ukrajna u l-awguri huma wieħed: Is-soluzzjoni permezz tal-paċi u l-istabbiltà.

Proprju dwar dan is-suġġett delikat, tkellimt fit-tul ma’ Carmelo Mifsud Bonnici, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.

L-intervista kollha:

JM: Fiż-żmien li ilek maħtur bħala l-Kelliemi għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Partit Nazzjonalista x’qiegħed tara bħala l-iktar sfida preżenti u kif qiegħed tħares lejn il-futur?

CMB: Dan hu settur mill-iktar importanti għal kull pajjiż u tagħna mhux b’inqas. Il-politika barranija tagħna hi l-ġebla tax-xewka li tmexxina fir-relazzjonijiet ma’ stati indipendenti oħra.

Dik li tiddetermina l-prestiġju u li trid turi l-abbilità tagħha fil-komplikazzjonijiet li minn zmien għal żmien jinqalgħu. Anzi minn meta sirna indipendenti u issa li aħna parti mill-Unjoni Ewropea, ir-responsabbilità tal-politika barranija kibret.

Għax għalkemm ċertament għandna vuċi f’diversi kapitli, kollox jiddependi f’kif nużaw ħidmietna b’intelliġenza. Għalhekk proprju llum, wara l-istorja tagħna għandna nkomplu nissudaw u nifhmu dak kollu li qiegħed iseħħ madwarna.

JM: Biss il-Partit Nazzjonalista kellu f’ħafna mumenti viżjoni ferm iktar fit-tul fuq ħafna u għażel li jidħol għal proġetti ambizzjużi… għadna fuq din t-triq?

CMB: Hu minnu li politiċi varji fi ħdan il-Partit mexxew b’ideat li ħafna ħasbu li qegħdin joħolmu. Imma meta tikkonsidra l-istorja tifhem li deċizjonijiet politicċi minn politiċi kbar fix-xenarju lokali influwenzaw sew.

Amministrazzjoni bniet fuq ta’ qabilha. Ħadet deċiżjonijiet ukoll skont dak li għaddiet minnu l-waħda li serviet qabel. Wasalna fejn wasalna llum grazzi għall-influwenza reċiproka taż-żewġ partiti prinċipali li baqgħu jisimgħu lil xulxin u jaġixxu skont is-suċċess jew le ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Fis-sens li llum hemm qbil ġenerali fil-politika barranija

JM: Ma taħsibx li għandu jkun hemm differenzi fil-politika barranija bejn il-partiti?

CMB: Le. Ma naqbilx li għandu jkun hemm ġlied politiku nazzjonali f’dan is-settur u kemm jista’ jkun wieħed għandu jkollu strutturi li fi ħdanhom nżommu linja barranija ċara Maltija li hemm qbil.

Min se jiġi f’pajjiżna u min se jinvesti jieħu wkoll f’kunsiderazzjoni l-fattur tal-istabbiltà u qbil. Anki fix-xenarju Ewropew, Mediterranju u internazzjonali. Li pajjiżna jkollu ftit differenzi tagħtina prestiġju f’dak li jkun qiegħed iseħħ. Fis-sens li l-vuċi tagħna jkollha iktar piż għax m’hix waħda li tinbidel skont il-partit fil-Gvern.

JM: Imma dan kif jista’ jiġi implimentat meta għandek is-sitwazzjoni politika preżenti tagħna fejn l-istabbiltà interna ma hix tajba?

CMB: Tiġi billi wieħed jagħraf iktar dak li kull naħa qegħda tagħmel u fejn sejra. Ċertament hemm żewġ punti fost id-diversi li issa hemm iktar qbil konsolidat.

L-ewwel l-vantaġġ ta’ pajjiżna hu dak bħala membru fl-Unjoni Ewropea. Dan ma hemmx għalfejn nirrepeti l-istorja kellu l-procċess tiegħu. Imma llum fortunatment naqblu sew u jekk qabel kien hemm min jiddubita, issa nara iktar forma ta’ kompetizzjoni politika fuq min hu l-iktar Ewropew.

Inqalbu l-affarijiet. Dan għall-gid tal-poplu Malti u Għawdxi li rebaħ ħafna. Ma għadniex aktar dawk li jircievu imma għandna l-okkażjoni li nkunu protagonist fil-kurrent Ewropew. B’vuċijiet Maltin bħalma rajna reċenetement bil-ħatra ta’ Roberta Metsola li saret il-President tal-Parlament Ewropew.

JM: Iva, imma kien hemm proċess diffiċli ħafna u ngħid li kieku l-Partit Nazzjonalista ma rebaħx l-Elezzjoni tal-2008, kieku aħna nisnabu lura barra. Imma x’kien t-tieni punt tiegħek?

CMB: Verament dik l-Elezzjoni, bid-diffikultajiet u l-komplikazzjonijiet tagħha, fir-realtà kellha l-effett pożittiv li rreġistat u kkonsolidat il-politika barranija tagħna fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Anki jekk hawn għandek min jinsisti li għandna jkollna vuċi waħda unika Ewropea, ma naħsibx li jaqbel lilna fil-linja tagħna u fil-prijoritajiet tagħna. Iktar u iktar, u dan hu t-tieni punt, fil-politika ta’ newtralità li għandha hi rilevanti u sservina sew.

JM: Imma ma taħsibx li dak iż-żmien spiċċa u għandna nimxu f’direzzjoni oħra?

CMB: In-newtralità tagħna hi vantaġġ u m’għandniex nitilfu mill-pożizzjoni ta’ pajjiż li hu ħabib u kapaċi jifhem u jidħol fi djalogu ma’ kull pajjiż. Kapaċi għax ma huwiex konsidrat “għadu” ta’ ħadd imma interlokutur.

In-newtralità tista’ tkun passiva iżda tista’ tkun attiva. Jiddependi minna. Ċertament iżda m’hix ta’ xkiel u tagħtina flessibbiltà kbira. Dan għax nistgħu ngħidu u ngħaddu messaġġi lil ħaddieħor ma jkunx lest jisma’ mingħand dawk li jara bħala avversarji. Ċertament f’dan nibqgħu pajjiż li jrid il-paċi u l-istabbiltà fis-sigurtà fid-dinja.

JM: Biss f’dan ma tarax li hemm fatturi ta’ nkwiet fil-Mediterran ukoll bil-kwistjoni li hemm preżenti fir-rigward tal-Ukrajna? Ma tarax li hemm sitwazzjoni li tista’ twassal għall-kunflitt militari?

CMB: Hemm żewġ punti li jridu jsiru hawn qabel kollox. L-ewwel irid jingħad li rajna sinjali pożittivi fil-Mediterran fir-rigward tagħna.

Fis-sens li fil-Libja hemm proċess għaddej li qiegħed igib lill-partijiet biex jiddiskutu. Għalkemm hu minnu li l-elezzjonijiet li kellhom jsir fl-24 ta’ Diċembru 2021 ġew posposti, dan ma wassalx għall-ġlied u kunflitti militari.

Jidher li iva hemm, fost l-oħrajn, ideat u kurrenti varji imma hemm ukoll il-bieb aktar miftuħ biex il-Libjani jistabbilixxu f’daqqa futur għalihom.

Safejn se jaslu ma nafux però pajjiżna hawn għandu x’jirbaħ jekk tirrenja l-istabbiltà u l-paċi politika. Ma’ dan ngħaqqad ukoll l-elezzjoni mill-gdid tal-President Taljan Sergio Mattarella.

JM: Iva, imma ma tarax li kien wieħed ta’ falliment fejn il-klassi politika għarfet li ma tistax issib kandidat ieħor?

CMB: Il-bilanċi interni fil-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Mario Draghi kienu qed jiġu mhedda bil-proposti varji li saru, u wieħed jifhem.

Għalhekk reġgħu marru għal dak li kien suċċess fl-aħħar xhur biex il-passi li l-pajjiż wettaq ma jintilfux. F’dan ma kellhomx bżonn jibdlu dak li qiegħed jaħdem, almenu sal-elezzjoni ġenerali li ġejja.

Ix-xogħol li l-Gvern qiegħed iwettaq sarraf f’avvanzi ekonomiċi u stabbiltà politika li aħna nieħdu benefiċċju minnu. Iktar ma jimxi l-pajjiż, iktar jgħin lilna ukoll.

JM: Imma allura ma kenetx żejda li rajna bastimenti militari Russi fil-Mediterran jgħaddu bejnha u Sqalija?

CMB: Fil-fatt il-President Mattarella tkellem direttament dwar dan għax ma tagħmilx sens li wieħed jiġbed pajjiż varji f’konflitt.

Ċertament dak li qiegħed isir mir-Russja mmexxija minn Vladimir Putin irid jitqiegħed f’kuntest.

Hu kalkulatur u jkun żball jekk wieħed jiskarta jew aħjar jinjora l-passi u l-manuvri. Hemm messaġġi li għaddejja meta jagħżel li jibgħat daqshekk truppi u armamenti mal-fruntiera Ukrena. U meta tara l-mappa tifhem li hemm kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà fis-sens li dan hu pajjiż preċiż taħt u jmiss mal-fruntiera Russa.

Biss fuq dak li seħħ ftit snin ilu fil-kwistjoni tal-Krimea, Donbas u Luhansk mhux ħafna qed jemmnu jew jagħżlu li jafdaw il-kelma tiegħu li mhux se jkun hemm invażjoni. Imma hemm diversi trattati u ftehim dwar is-sigurtà fl-Ewropa li ma ilhomx li saru u dawn jridu jiġu rispetatti wkoll.

JM: Imma din ma hix xi ħaġa li l-poplu sovran tal-Ukrajna jrid jiddeċiedi… jekk jidħolx fin-NATO jew le?

CMB: Fil-fatt Volodymr Zelensky, il-President tal-pajjiż, hekk jinsisti u anzi hu jibqa’ jinsisti li għandu jkun hemm qbil madwar mejda lejn il-paċi.

Din naħseb li għandha tkompli tkun t-triq biex wieħed isib soluzzjoni għall-potenzi u l-pajjiċi nvoluti. Dan iktar u iktar meta wieħed jara dak li seħħ fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda fejn t-tensjoni kienet tidher għolja ħafna.

Kunflitt militari m’huwiex se jsolvi xejn, anzi jikkumplika l-affarijiet u dak li jseħħ illum jibqa’ jrid jiġi lura f’postu għada pitgħada. Biss jum wara jum ix-xenarju jinbidel.

JM: X’jista’ jsir f’dan kollu?

CMB: Il-prijorità għandha tibqa’ li l-partijiet jaslu fi ftehim u hawn l-Unjoni Ewropea, bid-diversi mexxejja tagħha, qegħda tgħin.

Għax kif rajna f’dawn l-aħħar jiem, kienu ħafna dawk li tkellmu biex dan isir u ltaqgħu mal-partijiet. Fl-aħħar tal-ġurnata r-raġuni m’għandhiex bżonn forza u għalhekk wieħed għandu jibqa’ jinsisti.

Jekk ikun hemm ġlied militari l-konsegwenzi huma qawwija u jkun aħjar dejjem li, diffiċli kemm huma diffiċli r-relazzjonijiet, wieħed jagħraf kif jikkoabità milli li jiġi fl-idejn. Għalhekk il-paċi u l-istabbiltà jibqgħu prijorità għalina.

 

Carm Mifsud Bonnici

About

Literature Politics Chess