Bħalma l-ambjent u t-tibdil fil-klima huma prijorità għad-dinja, huma prijorità wkoll għal Malta. Il-qerda ambjentali li spikkat bil-kbir fl-aħħar snin jeħtieġ titrażżan u għalhekk il-Partit Nazzjonalista ħareġ bl-idea brillanti fl-aħħar jiem li jwaqqaf il-PN Greens biex jattira mijiet ta’ persuni minn kull sfera li lkoll iridu jaħdmu mal-partit biex Malta ma tibqax miexja mingħajr direzzjoni iżda jittieħdu deċiżjonijiet li jtejbu u jħarsu l-ambjent ta’ Malta biex niżguraw il-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri.Irridu aktar spazji pubbliċi protetti u aktar żoni ta’ rikreazzjoni għall-familja li jservu ta’ pulmun għaż-żoni urbani tagħna.

Irridu ninvestu bil-qawwa fit-tħawwil u fil-manutenzjoni tas-siġar madwar il-pajjiż kollu biex qabelxejn titjieb il-kwalità tal-arja u b’hekk titjieb ukoll il-kwalità ta’ ħajjitna inġenerali. It-tħawwil tas-siġar jibqa’ impenn personali tiegħi, u se nibqa’ naħdem biex jieqaf it-tqaċċit tas-siġar bla sens u biex jiżdiedu l-ispazji fejn il-familji jkunu jistgħu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom viċin in-natura. Irridu nerġgħu nagħtu lill-poplu dawk l-inħawi li huma mhedda mill-iżvilupp bħaż-Żonqor u x-xatt ta’ Wied il-Għajn, jew bħal Ħondoq ir-Rummien f’Għawdex.

Lil uliedna b’tant kburija rridu nħallulhom pajjiż li jippermettilhom jgħixu fih, għax ngħiduha kif inhi, ħadd ma jagħżel pajjiż ta’ konkos u kaos għall-vaganza jew għas-safra tiegħu. Il-ġmiel u l-veduti li joffri pajjiżna rridu nħarsuhom u nikkonservawhom bl-aqwa mod għat-tgawdija tal-poplu stess u mhux għar-rgħiba tal-ftit. Irridu nsibu bilanċ ġust bejn l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli għax it-tnejn huma essenzjali għall-ekonomija tagħna u għall-benesseri tal-Maltin u l-Għawdxin.

Għal dan il-għan, neħtieġu l-kontribut tiegħek, għandna bżonn persuni bħalek li jixprunawna ‘l quddiem favur pajjiżna. Inħeġġuk temmen fil-bidla li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista, anzi nappellawlek tkun inti parti minn din il-bidla billi ssemma’ leħnek, tagħti sehmek jew tissieħeb attivament fil-PN Greens. Ejjew flimkien insarrfu l-ideat u l-impenn tagħna f’avvanz ambjentali u reali għal Malta.

 

David Agius

About

Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq it-8 u l-11 Distrett.