Ftit ġimgħat ilu, il-Perit Piccinino, bħala Kap Eżekuttiv tal-ERA, kitbet artiklu għat-Times of Malta fejn tatna informazzjoni dwar ħafna rikorsi legali maħsuba biex jagħtu protezzjoni lis-siġar. Tatna listi ta’ speċi, żoni addizzjonali ddikjarati bħala Żona ta’ Protezzjoni tas-Siġar (TPA) u numru ta’ argumenti legali biex tiġġustifika għaliex l-ERA ma pproteġietx, anzi ppermettiet, it-tqaċċit ta’ siġar ta’ mijiet ta’ snin f’Ħad-Dingli.

Iżda l-liġi la hija għodda limitata biss għad-dikjarazzjoni ta’ speċi u siti bħala protetti u lanqas hija għodda biex tiddisinja l-permessi. Il-liġi hija għodda għall-infurzar tal-protezzjoni mogħtija fuq il-karta, u allura kien mistenni mill-Kap Eżekuttiv li tinfurmana wkoll dwar il-miżuri li qed jittieħdu f’dan ir-rigward mill-istituzzjoni li tmexxi.

L-ERA kemm qed tipproteġi s-siġar?

Imma xi ngħidu għal dawk l-aspetti fil-liġi li jagħtu s-setgħa direttament lill-ERA biex tikkonserva s-siġar? Ħarsa bir-reqqa lejn il-websajt tal-ERA turina numru kbir ta’ permessi li qed jingħataw biex jinqatgħu s-siġar. Biex isserraħ moħħ il-pubbliku, l-ERA tista’ tinfurmana kemm-il darba użat l-istess liġi li tagħtiha s-setgħa tagħti permessi, biex tirrifjuta li tagħti permessi minflok, fuq il-bażi li l-valur ta’ konservazzjoni tas-siġar huwa ferm iktar importanti mir-raġunijiet imressqa mill-applikant għall-qerda tagħhom. Barra minn hekk m’hemm l-ebda informazzjoni dwar azzjonijiet ta’ infurzar li ttieħdu kontra dawk li joffendu r-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tas-Siġar u l-Imsaġar li hija ppubblikata bl-istess ħerqa bħalma huma ppubblikati l-permessi mogħtija.

Dan forsi għax il-permess għall-qerda tas-siġar sar in-norma, waqt li tieħu azzjoni legali kontra min qed jagħmel dawn l-atti saret tant rari li l-Kap Eżekuttiv tal-ERA iddeċidiet, b’mod konvenjenti, li tħalli barra dan l-aspett. B’dan il-mod, il-falliment tal-istituzzjoni li tmexxi qed isir dejjem aktar evidenti.

L-istituzzjonijiet mhux qed jipproteġu l-ambjent

Fl-istess żmien tal-artiklu tal-Perit Piccinino, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Frederick Azzopardi, ftaħar bil-kisbiet tal-aġenzija tiegħu. Din id-darba fuq il-gazzetta Maltatoday, is-Sur Azzopardi ppubblika statistika wara statistika dwar it-tul ta’ toroq li ngħataw wiċċ ġdid, numru ta’ pontijiet u mollijiet mibnija, tunnellati ta’ emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju ffrankati milli jiġu ppumpjati fl-atmosfera minħabba mmaniġġjar aħjar tat-traffiku, ħin ta’ vjaġġar iffrankat mis-sewwieqa u dwar il-miljuni li ntefqu.

Jekk iż-żewġ artikli kienu kompetizzjoni bejn iż-żewġ CEOs għal min hu l-aħjar biex iħalli barra, b’mod konvenjenti, il-fallimenti tal-istituzzjonijiet tagħhom biex jipproteġu dak li fadal mill-ambjent ta’ Malta, Frederick Azzopardi jegħleb bil-bosta lill-Kap Eżekuttiv tal-ERA. Is-Sur Azzopardi saħansitra ddikjara li s-sostenibbiltà kienet waħda mill-valuri ewlenin li biha huwa ggwidat ix-xogħol tal-aġenzija tiegħu.

Iżda l-pubbliku serħan il-moħħ għandu bżonn. Għaldaqstant jista’ l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta jinforma lill-pubbliku bl-istatistiċi li huma verament importanti u li bihom wieħed jista’ jkejjel kemm hu tassew jemmen fis-sostenibbiltà bħala valur ewlieni?

L-ERA kemm-il darba waqqfet lil Infrastructure Malta?

Dak li l-pubbliku għandu jkun jaf hu kemm-il darba l-ERA waqqfet xogħlijiet tal-aġenzija tiegħu, li kienu qed jikkawżaw ħsara lill-ambjent, wara li nstabu li kienu qed isiru mingħajr permess tal-ERA.

Kemm-il darba Infrastructure Malta nstabet ħatja mill-ERA li kisret ir-Regolamenti tal-Protezzjoni tas-Siġar u l-Imsaġar biex jinbena l-proġett tas-central link? Għax ma jgħidx lill-pubbliku kemm siġar inqatgħu illegalment f’dawn l-okkażjonijiet? Għax ma jinfurmax lill-pubbliku dwar kemm inqas dijossidu tal-karbonju se jiġi assorbit mill-atmosfera minħabba l-ammont ta’ siġar meqruda? Kemm-il darba Infrastructure Malta wettqet interventi li jagħmlu ħsara lill-ambjent f’Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni mingħajr il-permess tal-ERA? Kemm bdew proġetti minn Infrastructure Malta mingħajr permess tal-Awtorità tal-Ippjanar? Kemm saru proġetti li injoraw il-liġi ta’ Malta dwar il-ħarsien tal-wirt kulturali li rriżultaw fi ħsara lill-karatteristiċi ta’ interess kulturali? Kemm kilometri ta’ ħitan tas-sejjieħ fil-kampanja li huma protetti ġew mgħarrqa bil-konkrit li ntuża fil-kisi insensittiv tat-toroq? Kemm intilfet art agrikola u ħabitat naturali għall-proġetti ta’ Infrastructure Malta?

Iżda mhumiex biss kwistjonijiet relatati direttament mas-sostenibbiltà li għandhom jiġu ċċarati. Dan għax is-sostenibbiltà qatt ma tista’ tinkiseb sakemm ma jkunx hemm governanza tajba. Dan iwassalni għal iżjed mistoqsijiet li t-tweġibiet tagħhom jistgħu potenzjalment jiżvelaw statistika li s-Sur Frederick Azzopardi kien jippreferi li ma tkunx ippubblikata jew irreklamata.

Kemm-il darba Infrastructure Malta bagħtet lill-kuntratturi tagħha bil-bulldozer fuq art privata mingħajr ma esproprjawha minn qabel b’mod leġittimu? Kemm meded ta’ art ġew mgħottija b’dan il-mod? Kemm proġetti ġew eżegwiti bħala xogħlijiet ta’ emerġenza biex tiġi evitata applikazzjoni għal permess tal-PA u li allura kienet tkun tirrikjedi skrutinju pubbliku?

Bla dubju l-azzjonijiet jew in-nuqqas tagħhom min-naħa taż-żewġ istituzzjonijiet qed jirriżultaw f’deġenerazzjoni mgħaġġla tal-wirt naturali u storiku ta’ Malta. Il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jara li ż-żewġ istituzzjonijiet jagħtu kont lill-pubbliku Malti li qed ibati min-nuqqas ta’ governanza tajba f’din il-leġiżlatura. Se nibqa’ nimpenja ruħi biex il-PN isir kredibbli u jkun alternattiva denja b’rispett għall-ambjent ta’ pajjiżna, b’rispett għall-ġid komuni.

Robert Cutajar

About

Whip ta l-Oppożizzjoni. Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq it-12 Distrett.