Jekk inkunu sinċiera magħna nfusna, malajr naslu biex nagħrfu kemm il-professjoni tal-edukaturi qiegħda tiġi kkalpestata mill-gvern preżenti. Wara snin jagħti l-ġenb lill-professjoni tal-għalliema, il-gvern fl-aħħar irrealizza li mhuwiex qed jispira biżżejjed individwi, tant li ħass il-bżonn li jdaħħal mandat ta’ inibizzjoni l-qorti kontra l-MUT. Hekk huwa żgura ruħu li kemm jista’ jkun, fejn ma jasalx bis-sewwa, jasal bid-dnewwa. U huwa hawnhekk fejn missejna l-qiegħ!

Hija diġà azzjoni demoralizzanti li lejlet il-bidu ta’ sena skolastika ġdida, isir ċaqliq b’mod daqstant insensittiv u li ma jirrispettax id-dinjità tal-għalliema inkwestjoni u tal-istudenti afdati lilhom. Biss, hija azzjoni ferm iżjed inkonsiderata dik li l-gvern irrikorra għal azzjonijiet legali kontra l-istess union li qiegħda tissalvagwardja d-drittijiet tal-istess professjonisti li dan il-gvern, ġurnata wara l-oħra, qiegħed kontinwament  jagħtihhom il-ġenb.

Stajna evitajna kollox!

Fil-konferenza tal-aħbarijiet li sejjaħna nhar l-24 ta’ Awwissu, tajna opportunità tad-deheb lill-gvern sabiex jindirizza n-nuqqasijiet li dak iż-żmien kien hemm fil-qasam edukattiv. Dakinhar ippreżentajna 10 mistoqsijiet, li b’mod ċar ħafna indikaw liema huma l-10 oqsma li l-Gvern kellu jieħu ħsieb. Mistoqsija minnhom kienet iddur mal-bżonn ta’ pjan tajjeb sabiex jerġa’ jkun evitat l-istess episodju tas-sena l-oħra; jiġifieri li xi għalliema tal-primarja jiġu mġiegħla jieħdu klassi li huma ma tħarrġux sabiex jgħallmu.

Il-kawża ta’ dan kollu li għaddejjin minnu bħalissa hija waħda u waħda sempliċi. Lil hinn mill-pandemija, il-Gvern kontinwament qed jitfa’ taħt it-tapit il-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema. Minbarra li l-Gvern mhuwiex qiegħed jieħu ħsieb jattira iżjed individwi ġodda lejn il-professjoni, qiegħed ukoll itappan il-fiduċja ta’ dawk l-għalliema li diġà jinsabu fis-settur.

Irridu nkunu sensittivi ma’ settur daqstant kruċjali.

Aħna, min-naħa tagħna, se nkomplu naħdmu sabiex nerġgħu nirrestawraw ir-rispett kollu mistħoqq lill-professjoni. Hawnhekk ma aħniex qegħdin nitkellmu fuq xi xogħol awtomatiku. Hawnhekk qed nitkellmu fuq professjoni li teħtieġ rispett. Teħtieġ rispett primarjament għaliex tolqot bosta u bosta individwi. Ix-xogħol kollu li jsir fil-klassi u lil hinn minnha jeħtieġ sigħat twal ta’ preparazzjoni. Ma tistax tippretendi li lejlet li tibda sena ġdida skolastika, tibqa’ ddawwar u tmexxi lill-edukaturi minn skola għall-oħra jew minn qasam għall-ieħor sempliċiment sabiex timla vojt li għad għandek. Ftit jiem qabel il-bidu ta’ sena skolastika ġdida l-ansjetà tal-għalliema tkun kbira, l-ammont ta’ preparazzjoni li jkun hemm bżonn ikun enormi, u l-inqas ħaġa li għandhom bżonn huma dawn l-inċertezzi kollha. Trid tkun taf tajjeb dan ix-xogħol sabiex tasal tifhem l-impenn li hemm warajh!

 

Iriduna nibqgħu lura, bi skop!

Madanakollu, din il-professjoni teħtieġ rispett ukoll għaliex tifforma l-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada; tifforma ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ individwi li minn tfal żgħar jiżviluppaw f’irġiel u nisa b’saħħithom fil-ħsieb.  

Biss persważ li dawn il-bsaten kollha fir-roti mhumiex qed isiru b’kumbinazzjoni, jew bi żball. Il-ħila li individwu jagħraf x’hemm tajjeb u ħażin f’soċjetà, u potenzjalment jikkritika dak li hemm ħażin, hija qawwa tant kbira li tbeżża’ lil ħafna fl-awtorità. U donnu l-Gvern dan li ma jridx.

Ma jridx individwi li jikkritikawh.
Ma jridx Maltin u Għawdxin jistaqsu dwar il-kuntratti li qed jidħol fihom.
Ma jridx Maltin u Għawdxin jirrealizzaw li dak li qed jgħid u dak li qed jagħmel ma jaqblux bejniethom.
Ma jridx Maltin u Għawdxin jemmnu li jistgħu jaslu bil-ħila tagħhom stess mingħajr ma jittallbu għal xi pjaċir quddiem xi politiku jew ieħor.
Ma jridx Maltin u Għawdxin ħielsa.
Irid Maltin u Għawdxin dipendenti fuqu.

Allura x’inhi l-aħjar triq? Li kemm jista’ jkun ifarrak l-istess settur li minnu jistgħu joħorġu l-iktar imħuħ kritiċi; is-settur edukattiv. Il-gvern jaf tajjeb li iżjed ma jinvesti fis-settur edukattiv iżjed jista’ jwassal sabiex iktar persuni jagħrfu t-tattiċi u l-manuvri tiegħu. U dan ċertament ma jridux, għax dan ikun ifisser li iżjed nies titlef il-fiduċja li forsi sa issa għad għandha fih.

Wasal iż-żmien li l-Gvern jinsa xi ftit ir-rettorika li nqabad fiha u jibda verament jisma’ l-weġgħat ta’ ħafna. Dan l-attakk fuq l-edukaturi huwa attakk fuq kull Malti u Għawdxi. Huwa attakk kontra l-libertà tagħna bħala Maltin u Għawdxin; attakk kontra l-libertà li għandna sabiex naħsbu b’mod ħieles. 

Clifford Zahra Fenech

About

Għalliem. Ma nħallix għal għada dak li nista' nagħmel illum. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq is-7 Distrett.