ŻOMM AĠĠORNAT:
L-Avukat Ġenerali baqa’ jipprova jtawwal il-proċeduri biex ma jagħtix l-inkjesta sħiħa lill-Kap tal-Oppożizzjoni
Illum fil-Qorti l-Avukat Ġenerali pprova jtawwal il-proċeduri sabiex jibqa’ ma jagħtix l- inkjesta sħiħa tal-Maġistrat Aaron Bugeja lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Din hija turija oħra kif l- Avukat Ġenerali qed ikompli jiżbilanċja ruħu aktar favur il-Gvern, u ried li din il-kawża tittawwal u ddum inutilment.
Illum il-Qorti laqgħet it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li għandha tinstema’ b’mod sħiħ il-kawża dwar ir-rikors Kostituzzjonali, li hu għamel kontra l-Avukat Ġenerali sabiex jingħata kopja sħiħa tal-inkjesta. Dan meta l-Avukat Ġenerali ma riedx li l-Qorti tiddeċiedi b’urġenza dan ir-rikors u ried jostakola l-mod kif il-Kap tal-Oppożizzjoni jeżerċita dmirijietu skont il-liġi.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien ressaq dan ir-rikors Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali wara li bid-deċiżjoni tiegħu li ma jagħtihx kopja sħiħa tal-inkjesta, l-istess Avukat Ġenerali qed imur kontra l-Kostituzzjoni u kontra l-Konvenzjoni Ewropea. L-Avukat Ġenerali qed jostakola wkoll il-mod kif il-Kap tal-Oppożizzjoni jeżerċita dmirijietu skont il-liġi, meta n- nuqqas ta’ aċċess għar-rapport sħiħ qed isir bi ksur tad-dritt tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jirċievi u jingħata aċċess għall-informazzjoni skont il-kariga li jokkupa bil-Kostituzzjoni. Dan filwaqt li kien qed joħloq żbilanċ politiku serju bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni meta l-Prim Ministru u Kap tal-Partit Laburista għandu kopja sħiħa tal-inkjesta filwaqt li l-Kap tal- Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista m’għandux.
Fir-rikors Kostituzzjonali, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qed jitlob lill-Qorti tiddikjara li bid-deċiżjoni tiegħu li ma jagħtihx kopja sħiħa tal-inkjesta, l-Avukat Ġenerali qiegħed iwaqqfu milli jaqdi dmirijiet bħala Kap tal-Oppożizzjoni skont il-liġi. Dan filwaqt li qed imur kontra l-Kostituzzjoni.
Din il-kawża se tkompli jumejn oħra, l-Erbgħa 5 ta’ Settembru fl-10 ta’ filgħodu fejn se jkun qed jixhed il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
03.09.2018