ŻOMM AĠĠORNAT:
L-Awditur Ġenerali jagħti 200 miljun raġuni għalfejn Konrad Mizzi għandu jitlaq
“Il-Ministru Konrad Mizzi għandu jirriżenja minnufih u mhux jidħak bin-nies u jifraħ bil- konklużjonijet tar-rapport li qed jikkundannah. Issa li sar magħruf li qed inħallsu €200 miljun aktar għall-enerġija, għandna 200 miljun raguni għalfejn Konrad Mizzi għandu jitlaq.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet wara r-rapport tal- Awditur Ġenerali dwar l-investigazzjoni tal-kuntratti mogħtija lil Electrogas mill-Enemalta.
Dr Delia qal li fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali kkonferma li l-ftehim tal-power station ta’ Joseph Muscat qed jiswa lin-nies €200 miljun aktar fis-sena mill-interconnector tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li l-kuntratt tal-Electrogas kien imbagħbas mill-ewwel jum għaliex dawk li tefgħu l-offerti tagħhom għall-bini tal-power station ma ġewx trattati bl-istess mod. Adrian Delia qal li l-Gvern ried li akkost ta’ kollox il-kuntratt għal-bini u tħaddim tal-power station il-ġdid f’Delimara jintrebaħ mill-Electrogas.
Adrian Delia qal li issa huwa ċar li kien hemm xibka ta’ korruzzjoni maħsuba mill-għada li l- Ministri ħadu l-ġurament tal-ħatra, u li bdew jippjanaw mal-istess konsulent min se jieħu l- power station kif se jisirqu lill-poplu Malti u Għawdxi.
Mir-rapport tal-Awditur Ġenearli jirriżulta li Brian Tonna ta’ Nexia BT kien it-team leader tal-kumitat tal-awdituri kien dak inkarigat mill-proċess tal-għażla, u spiċċa wkoll kien ukoll l- awditur ta’ GEM Holdings li l-konsorzju tagħhom rebaħ il-kuntratt għall-power station. Dan ifisser li l-istess persuna li ra l-evalwazzjoni tal-offerti mitfuha kienu spiċċa l-awditur tal- konsorzju magħżul. Adrian Delia qal li għal din il-korruzzjoni qed iħallsu l-familji, n-negozji u l-anzjani. Fl-istess waqt 80% tal-familji qed iħallsu aktar għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma li taħt il-Gvern Laburista huma aktar għoljin u aktar spissi, l-anzjani qed ibatu biex jaslu sal- aħħar tax-xahar u 3,200 għadhom qed jistennew biex ikollhom saqaf fuq rashom.
Mill-konklużjonijiet tar-rapport, l-Awditur Ġenerali kixef kif il-Gvern addotta atteġġjament inkonsistenti meta ġie biex jevalwa l-offerti li ntefgħu. Dan għaliex dawk li tefgħu l-offerti tagħhom ma ġewx trattati bl-istess mod u li l-proċess tal-evalwazzjoni kien imbagħbas mill- bidunett. Mill-konklużjonijiet jirriżulta wkoll li l-Awditur Ġenerali huwa imħasseb li matul il-proċess tal-evalwazzjoni sar tibdil fil-proċess innifsu. Dan apparti li l-kumpanija Gasol ma kelliex l-affarijiet sewwa, ħarbet u s-sehem tagħha tefgħatu fuq ħaddieħor meta l-Awditur Ġenerali qal li dan ma jistax isir.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan ir-rapport ifisser li Konrad Mizzi għandu jirriżenja u jitlaq minnufih għaliex ma kull ġurnata li tgħaddi qed jherri r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u jġegħlna nħallsu għaliha. Joseph Muscat jippersisti li ma jgħidx il-verità u jibqa’ jiddefendi biss lil sħabu minflok jiddefendi lill-poplu Malti u Għawdxi u r-reputazzjoni pajjiżna. Iż- żmien fejn Joseph Muscat jibqa’ jidħak bin-nies spiċċa, illum mhu qed jemmnu ħadd u ma baqalgħux fejn jaħrab.
28.11.2018