ŻOMM AĠĠORNAT:
L-għalliema għandu jkollhom l-aqwa appoġġ u mhux jiġu injorati fid-deċiżjonijiet
Il-PN jemmen li ż-żgħażagħ għandu jingħatalhom l-aħjar esperjenza edukattiva
“L-għalliema tagħna jixirqilhom l-aħjar ambjent u l-akbar għajnuna sabiex ikunu fl-aħjar pożizzjoni li jagħtu l-aqwa livell ta’ edukazzjoni liż-żgħażagħ tagħna. L-għalliema jagħmlu ħafna ma’ uliedna u għalhekk għandhom jiġu kkonsultati u mhux injorati mill-Gvern fit-teħid tad-deċiżjonijiet.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista mal- ġurnalist Sergio Mallia fuq Radio 101.
Dr Delia qal li fit-teħid tad-deċiżjonijiet li saru dan l-aħħar fis-settur tal-edukazzjoni, l- għalliema u l-akkademiċi ma ġewx ikkonsultati. Dan bħalma ġara fid-deċiżjonijiet tal-pagi tal-għalliema, id-deċiżjonjijiet dwar il-Malti, t-tnaqqis fl-amomont tal-homeworkli se jingħata lill-istudenti u l-awtonomija tal-Università. Liema deċiżjoni dwar l-awtonomija tal- Università, l-Gvern kellu jirtira u dan għaliex ma kkonsultax mal-akkademiċi stess.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-għalliema jixirqilhom aħjar minn hekk għaliex apparti r-responsabbilità edukattiva tat-tfal, qed iġorru wkoll responsabbilità soċjali. Dan ukoll bl- ammont ta’ każijiet soċjali li dejjem qed jiżdiedu fl-iskejjel, u għalhekk li tgħallem hija vokazzjoni. Adrian Delia spjega kif il-Partit Nazzjonalista jrid li jerġa’ jkun hu li jixpruna rivoluzzjoni fl-edukazzjoni biex it-tfal isiru ġenerazzjoni ġdida ta’ ħassieba.
Filwaqt li l-Gvern jinjora lill-għalliema fit-teħid tad-deċiżjonijiet, studju akkademiku sab li 18% biss tal-għalliema lesti li jibqgħu jgħallmu jekk ikollhom opportunità ġdida ta’ karriera. Adrian Delia qal li dan kollu juri li l-Gvern ma jafx fejn hu sejjer dwar l-edukazzjoni. Huwa qal li apparti li l-għalliema qed jiġu injorati, ċifri tal-Unjoni Ewropea qed juru li Malta qegħda l-aħħar fl-Ewropa fl-ammont taż-żgħażagħ bejn it-18 u l-24 li la qegħdin jistudjaw u lanqas ma huma qegħdin jitħarrġu.
Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista huwa partit qrib tan-nies u għalhekk fit-tisħiħ tas-soċjetà u fiż-żmien meta qed nfakkru l-25 sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, l-Oppożizzjoni ressqet dokument bi 80 proposta sabiex il-Kunsilli jservu aħjar lin-nies. Permezz ta’ dan id- dokument dwar il-Kunsilli Lokali, il-Partit Nazzjonalista jrid jara li l-Kunsilli jkollhom aktar awtorità biex iservu aħjar lin-nies u jsolvu l-problemi fil-lokalitajiet. Id-dokument jinkludi wkoll numru ta’ proposti fl-Att tal-Kunsilli Lokali sabiex nassiguraw ħidma aħjar tal-Kunsilli favur in-nies.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fuq Radio 101 żvela li huwa kien għalaq kwistjoni li kellu dwar nuqqas ta’ qbil mad-Dipartiment tat-Taxxa u ħallas l-ammont ta’ €55,000 biex issa ngħaqlet din il-kwistjoni,
Huwa fakkar li dwar din il-kwistjoni huwa kien transparenti mill-bidunett għaliex bħala kandidat għal Kap tal-partit kien minn rajh u mingħajr obbligu ppubblika dikjarazzjoni tal- assi fejn kien hu stess li qal li kellu nuqqas ta’ qbil mad-Dipartiment tat-Taxxa, fejn kien hemm ammont dovut li d-Dipartiment kien qed jgħid li kellu jkun akbar milli fil-fatt kien.
Adrian Delia ċaħad bl-aktar mod kategoriku u giddeb lill-gazzetta tal-Partit Laburista Kullħadd li spinjat fake news billi implikat li l-flus biex tħallsu t-taxxi ġew mill-fondi tal- Partit Nazzjonalista.
08.04.2018