Il-mod kif inħargu numru kbir ta' permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar fl-aħħar 8 snin juri biċ-ċar li l-Gvern Laburista ġie jaqa' u jqum mill-ħarsien tas-sbuħija tal-gżira.  Din hija politika short sighted li għad irridu nbatu l-konsegwenza tagħha fis-snin li gejjin.  Politika li wasslet biex Għawdex tilef u qed jitlef dak li jagħmlu uniku.

Il-Partit Nazzjonalista jifhem li min għandu propjetá jew art li tista' tiġi żvilluppata jkun jrid jimmassimizza l-valur tagħha.  Pero dan għandu dejjem jsir b'ħarsien sħiħ tal-identitá tal-gżira Għawdxija, tal-karatteristiċi tal-lokalitá fejn ikun ser isir l-iżvillupp u ġirien li jgħixu fl-istess zona.  Kull żvillupp għandu jiġi kunsidrat dejjem fi kwadru akbar tal-interess pubbliku u dak li jagħmel il-gżejjer tagħna isbaħ u mhux li jkerrah.

Dan l-obbligu jaqa' kollu fuq l-Awtorità tal-Ippjanar li l-uffiċjali tagħha huma mħallsa mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi biex iħarsu l-ġid komuni.  Sfortunatment fl-aħħar 8 snin l-Awtorità tal-Ippjanar b'direzzjoni ċara minn Kastilja saret Awtoritá tal-permessi akkost ta' kollox bla ebda kunsiderazzjoni għall-estetika, sostenibilitá ambjentali u ekonomika u bla ebda ħsieb kif tista' tiġi mħarsa s-sbuħija ta' Għawdex.

Toroq sħaħ bi djar tipiċi Maltin ġew mibdula jew qed jiġu mibdula fi blokok ta’ appartamenti bla ebda kunsiderazzjoni għall-estetika tal-post u bla ebda ħsieb lejn kif ser tiġi effettwata l-kwalitá tal-ħajja ta' dawk li jgħixu f' dik il-lokalità u dawk it-toroq.

Dan kollu sar u kien mbuttat ‘il quddiem  fl-aħħar 8 snin meta fl-ewwel parti tagħhom Robert Abela kien l-konsulent legali prinċipali tal-Awtoritá tal-Ippjanar u Joseph Muscat li kien Prim MInistru direttament responsabbli mill-istess Awtorità. L-istess politika għadha tiġi implimentata llum b’Robert Abela Prim Ministru.

Ftit tax-xhur ilu s-Sindki kollha ta' Għawdex ħarġu bi 38 proposta dwar kif jista' jitwaqqaf ċertu żvillupp li qed iwassal għall-qerda tal-ambjent urban u rurali ta' Għawdex.  Minkejja li meta ġew sottomessi dawn il-proposti kemm il-Ministru għal Ghawdex u l-Ministru għall-Ambjent qalu li jaqblu magħhom illum xhur wara għandhom ma attwawx proposta waħda biss minn dawn it-38 proposta.

Bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.

 

Partit Nazzjonalista

About

Jekk se tagħmilha fuq qalbek, tagħmilhiex. Imma jekk se tagħmilha ghax tħobb... Kun il-Bidla