ŻOMM AĠĠORNAT:
L-inawgurazzjoni taċ-Ċentru Ċiviku tal-Fgura imtappan minn diskors politikament diviż tal-Kunsillier Saviour Camillieri
Il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista tal-Fgura Charles Bonello u Mark Lombardo filwaqt li jifirħu mar-residenti tal-Fgura fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni taċ-Ċentru Ċiviku l-ġdid tal- Fgura, jikkundannaw bla riserva d-diskors politikament diviżiv tal-Kunsillier Laburista Saviour Camilleri. Fil-bidu tad-diskors tiegħu, l-kunsillier Laburista Saviour Camilleri qal li filwaqt li l-Gvern ta’ għotja ta’ flus permezz tal-Awtorità tal-Ippjanar mill-Fond għall- Iżvilupp, mhux l-istess jista’ jgħid għall-Gvern preċedenti.
Il-kunsillieri Nazzjonalisti jirrimarkaw li l-għotja ta’ flus li għamel il-Gvern permezz tal- Awtorità tal-Ippjanar huma flus tar-residenti tal-Fgura bi dritt u mhux bi pjaċir. Dawn il-flus inġabru mingħand kuntratturi u żviluppaturi li għamlu xi tip ta’ bini fil-lokalità u minħabba inkonvenjent li ħolqu fil-lokalità jew minħabba li ma pprovdewx parkeġġ adekwat fl-iżvilupp li għamlu, ġew obbligati jħallsu somom ta’ flus bħala kumpens għal dan l-inkonvenjent. Għalhekk, dak li ta’ l-Gvern Laburista lil Fgura ma kienux fondi Governattivi iżda kienu tal- Fgura bi dritt u mhux bi pjaċir.
Il-Kunsillieri Charles Bonello u Mark Lombardo jsostnu li tul iż-żmien li l-Partit Nazzjonalista għamel fil-Ġvern għamel investimenti kbar, li s’issa Gvernijiet Laburisti għadhom ‘il bogħod ħafna milli jlaħħqu magħhom. Fost il-proġetti li saru fi żmien Ġvernijiet Nazzjonalisti nsibu:
-
Il-kostruzzjoni ta’ Ġnien Patri Redent Gauci
-
Iz-zuntier tal-Knisja parrokkjali
-
Ir-rikostruzzjoni ta’ Pjazza Reggie Miller
-
Bini ta’ 8 blokki residenzjali fi Triq Mary Carter
-
Għoti ta’ wiċċ lit-toroq kważi kollha li ma kienux iffurmati
-
Ir-rikostruzzjoni ta’ Triq Hompesch
-
Ir-restawr tal-monument tas-Salib
-
Għajnuna sabiex ġie konkluż il-proġett tal-kumpless tal-Fgura Utd FC
-
Ftuħ taċ-Ċentru tas-Servizzi Soċjali
Il-Kunsillieri Nazzjonalisti jistiednu lis-Sur Camilleri sabiex anke hu jagħmel pubblikament elenku ta’ dak li sar minn dan il-Gvern.
Id-diskors tal-Kunsillier Saviour Camilleri mħux biss kien l-uniku diskors politikament diviż li sar f’din l-inawgurazzjoni iżda l-istess kunsillier abbuża mill-ftehim li sar waqt l-aħħar laqgħa tal-Kunsill Lokali. Dan l-abbuż seħħ għaliex is-Sur Camillieri kien awtorizzat mill- Kunsill sabiex jitkellem fuq il-faċilitajiet il-godda li joffri ċ-Ċentru Ċiviku l-ġdid, iżda s-Sur Camillieri għażel li jabbuża minn dan il-ftehim u filwaqt li beda d-diskors tiegħu b’dan il- kliem politikament diviżiv, kompla jitkellem fost l-oħrajn fuq progetti għat-triq principali tal- Fgura kif ukoll dwar by pass li jgħaddi minn żona barra ż-żona tal-iżvilupp f’Wied Blandun, żewġ temi li qatt ma ġew diskussi fiż-żminijiet riċenti mill-Kunsill Lokali.
Il-Kunsillieri Nazzjonalisti Charles Bonello u Mark Lombardo jiddispaċihom li l-kunsillier Laburista Saviour Camillieri rnexxilu jtappan din iċ-ċerimonja li kellha tgħaqqad lil kulħadd anke għall-fatt li huma ħadmu ħafna sabiex din l-inawgurazzjoni tkun suċċess, xorta waħda se jkomplu jaħdmu għall-ġid tal-Fgura u r-residenti tagħha. Għall-Kunsillieri Nazzjonalisti, il-ġid tal-lokalità jiġi qabel diskorsi politikament diviżivi kif għoġbu jagħmel il-kunsillier Laburista Saviour Camilleri.
Charles Bonello
Minority Leader
Mark Lombardo
Kunsillier
02.11.2018