Ħa naqsam magħkom esperjenza li kelli ftit ilu, meta mort għand il-furnar nixtri. Naħseb tagħlima għalina lkoll.

Bejn kelma u oħra, għax dakilin ma kienx hemm nies warajja, staqsejna ‘l xulxin kif aħna u kif sejrin. Taf int, il-kliem normali meta jiltaqgħu żewġ persuni li jkunu ilhom ftit ma jitkellmu.

Ġie d-diskors fuq il-każijiet ta’ korruzzjoni li għadhom ma tressqux ‘l Qorti u kif Konrad Mizzi u Joseph Muscat għadhom jiġru barra. Bħal qisu kien qed jgħidli li l-liġi mhijiex l-istess ghal kulħadd u l-ħuta l-kbira għadha tiġri barra.

Issa qabel ma nkompli, ftakru meta aħna l-politiċi nitkellmu fuq dan is-suġġett tafu kemm nużaw kliem bħal “impunità”, “saltna tad-dritt”, “ħasil ta’ flus” eċċ.

Araw issa x’tagħlima tani dan il-furnar li fi ftit kliem tassew irnexxielu jagħtini l-aqwa lecture.

Qalli: “Inti ġieli kellek in-nies id-dar tiegħek għall-ikel?” Iva, weġibtu.

“U meta tistiedinhom id-dar tieghek ghall-ikel, inti x’taghmel? Tiekol magħhom jew tpoġġilhom il-platt quddiemhom u toqgħod tarahom jieklu minn fuq il-mejda tiegħek?”, staqsieni il-furnar. 

Għidtlu: “mhux ovvja li nieklu flimkien! Ħeqq, inkella x’sens jagħmel li stiedintom id-dar għall-ikel?” 

“Sewwa, sewwa”, qalli l-furnar. “Issa aħseb. Joseph Muscat stieden ‘l (Konrad) Mizzi u ‘l (Keith) Schembri għall-ikel. Inti taħseb li qagħad iħares lejhom, jew qagħad bilqiegħda jiekol magħhom?”

Ħallini bla kliem. Kien għadu kemm spjegali a) fi ftit kliem b) u fi kliem sempliċi ħafna c) u b’parabbola, dak li aħna l-politiċi ilna s-snin nippruvaw nispjegaw, nippruvaw nispjegaw xi ħaġa tqila ‘l poplu li ħafna drabi ma jifhimniex.

Dak hu s-sabiħ li tiltaqa’ u titgħallem mingħand in-nies. Dan il-furnar qatt ma mar skola. Qatt ma mar l-Università tal-Qroqq jew Cambridge jew Oxford.

Imma, kif kien jgħidli Guido de Marco, mar l-Università tal-Ħajja. U tani l-isbaħ u l-aqwa lezzjoni dwar kif nispjega xi ħaġa tqila u kkumplikata.

Jason Azzopardi

About

I believe that each one of us has to carry out his ordinary duties in an extraordinary manner each day. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq ir-4 u id-9 Distrett.