1. Għaliex aħna fil-politika, u għala f’dan il-Partit, hemm min jistaqsini? Tweġibiet ċari għandu kull politiku ġewwa fih. Jagħraf li qiegħed fil-ħajja pubblika biex iwettaq il-ġid, biex jagħmel u jagħti sehem fil-ħidma li tibdel u tissoda lis-soċjetà. Dik li tibni bil-liġijiet, u bil-ħsieb, soċjetà aħjar. Soċjetà li tapprezza u tagħti dinjità sħiħa lil kull bniedem li jgħix fiha. Dinjità li titwieled mill-fatt uniku u rrepetibbli li huwa għandu talenti u kapaċitajiet uniċi. Mhux għax kapaċi jagħmel il-flus, jew għax għandu xi sehem li s-soċjetà tqisha bħala ‘utli’ għaliha, imma għax huwa persuna li għandu, ċertament fih, sehem fil-ħajja. Bniedem li kapaċi jagħti lura f’soċjetà li mhux biss għandha drittijiet, imma iktar dmirijiet lejh.

Partit uniku

2. Il-Partit Nazzjonalista li għażilt li naħdem fih huwa, f’dan, uniku. Huwa l-partit li nbena fuq il-prinċipji u l-valuri li diversi oħra fl-Ewropa jidentifikaw ruħhom bħala Demokristjani. M’hemmx dubju li l-istorja tiegħu hija f’dan is-settur. Meta fl-1926 kien hemm l-għaqda bejn il-partiti ta’ Sir Ugo Mifsud u ta’ Nerik Mizzi, kienu għażlu li jiddikjaraw li huma jispiraw ruħhom mid-duttrina soċjali tal-Knisja, l-iktar b’dak li l-enċiklika Rerum Novarum kienet tindika. Għażla preċiża u konxja, proprju għax riedu partit li l-poplu jħoss li huwa dak li jirrappreżentah fl-ideat tiegħu. Il-partit li huwa kapaċi jwettaq il-viżjonijiet tiegħu. Imexxih ‘il quddiem fis-sewwa. Imexxih sabiex iħares lill-bniedem u jħares dak kollu li jagħmel is-sewwa. F’liġijiet u politika li sawru s-soċjetà tagħna u li għadhom hemm iservuna.

Demokristjani

3. F’dan, aħna ninsabu parti sħiħa minn linja politika ċara. Diversi pajjiżi Ewropej bħalna, kellhom l-esperjenza tajba ta’ partiti Demokristjani li biddlu sew. Servew sabiex id-demokrazija tissoda. Servew sabiex l-istat soċjali jissoda u jirrifletti iktar il-ġustizzja soċjali. Servew sabiex ma ħallewx il-poter ċentralizzat, imma għaddewh lil organi oħra. Servew sabiex jassiguraw li l-ekonomija tkun għodda għas-servizz. Servew sabiex ma jkollniex soċjetà li tħares lejn il-mekkaniżmi tas-suq biex timxi fir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin. Servew sabiex bnew kwalità aqwa ta’ demokrazija. Servew sabiex bnew l-Unjoni Ewropea.

Fukuyama

4. Proprju kienu l-fundaturi ferm iktar avvanzati mill-progressivi tallum. Għax il-bniedem ma jivvutax biss għall-but, jew minħabba fih. Ħsieb li l-istess Francis Fukuyama, fil-ktieb Identity, isostni. Fil-fatt, huwa jgħid: “Modern economic theory is built around the assumption that human beings are rational individuals who all want to maximise their ‘utility’ – that is, their material well-being – and that politics is simply an extention of that maximising behaviour. However, if we are ever to properly interpret the behaviour of real human beings in the contemporary world, we have to expand our understanding of human motivation beyond the simple economic model that so dominates much of our discourse.” Hekk proprju hu. Hemm valuri superjuri li l-bniedem, f’din is-soċjetà, ifittex fil-politika.

Politika aqwa

5. Fil-ħsieb li tul din is-sena nimmarkaw it-tletin sena mill-qtil ta’ Giovanni Falcone u Paolo Borsellino mill-Mafja, sibt din il-kitba ta’ Pietro Grassi li ngħaqqad aktar: “Oggi non è più così, la politica fa parte del leone nella gestione degli affari e il fenomeno della corruzione è molto esteso. Da qui la necessità di dare nuove e severe regole alla politica, al fine di farle riguadagnare credibilità presso l’opinione pubblica.” Dan jgħodd ukoll f’dimensjonijiet oħra għalina. Għax wieħed jista’ jżid fil-liġijiet sabiex jirregolaw il-komportament uman, speċjalment f’dan is-settur. Biss, fil-politika, meta partit jabbanduna l-linja tiegħu, dik ideoloġika, allura jkun qiegħed jiftaħ il-bieb għal aġir żbaljat. Ikun qiegħed jippermetti li jaqbad it-triq għall-inkorrettezza fl-aġir. Għax il-prinċipji li partit iħaddan huma garanzija ta’ legalità u moralità korretta. Kif jitlaq din l-ankra, allura jġib lilu nnifsu oġġett fis-suq. Jiftaħ il-bieb beraħ għall-korruzzjoni, li nagħrfu li hija l-għadu ta’ soċjetà miftuħa u demokratika.

Il-kontroll

6. Il-kontroll intern, f’kull partit f’din il-linja, huwa parti mill-elementi li jwelldu fiduċja fl-elettorat. Ħafna drabi, partit jikseb il-kunsens mhux neċessarjament għax ikun hemm qbil fuq dak kollu li qed jgħid. Imma l-fatt li jwettaq, jew jipprova jwettaq dak li jgħid, jiġborlu rispett elettorali. Il-konsistenza, il-lealtà u d-determinazzjoni f’daqqa, jgħinu sabiex jiġbor kredibilità. Dan iktar u iktar meta lkoll nagħrfu li ċ-ċirkostanzi soċjali u ekonomiċi jinbidlu. Għalhekk huwa impossibbli li wieħed jiddikjara x’ser jagħmel għal dak li għadu ma jafx x’ġej fuqu. Imma meta jkun fidil għall-prinċipji ideoloġiċi tiegħu, ikun hemm diġà direzzjoni ċara li jkun ser jieħu. Ma jkunx il-partit tal-moda, jew dak li jibdel u jaqleb skont x’jaħseb li jaqbillu.

X’jaqbel

7. Għax fil-fatt, partit jaqbillu dejjem li jkun veritier u onest lejn il-prinċipji tiegħu. Dan jgħodd iktar u iktar illum, meta hemm min jidħol f’partit mingħajr ma jkun jaf il-ħsieb politiku tiegħu xi jkun. Jaqbad it-triq li jaħseb li jista’ jbiddel dak li huwa diġà ffurmat u stabbilit. Minflok, jintilef f’deżert ta’ ħidma li ma taqbilx u tistona. Messaġġi li l-elettorat jaqbad u li tulhom jitlef mill-fiduċja. Dan hu fejn il-Partit Laburista jinsab ċertament. Fejn, f’dawn is-snin rajna inkonsistenza fil-partit ta’ Mintoff u dak tallum. Ma hemmx il-qalb tħabbat għal min huwa ‘l isfel fis-soċjetà. Hemm, minflok, il-kompromess tal-kumdità ma’ dawk li għandhom.

Pedamenti

8. Proprju fil-mument meta hemm ħafna diskors u teoriji dwar il-ħsieb li l-politika vera m’għadhiex teżisti, għax issa kollox huwa falz u artifiċjali li għandna bżonn naffermaw il-pedamenti. L-elettorat irid ikun jaf fejn aħna, qabel jibda jikkunsidra li jagħtina l-fiduċja. Irid ikun ċert li għandna ideat u linja li m’aħniex ser indawwru. Biex dan ikun jista’ jiġi fis-seħħ, irridu mill-ġdid nagħrfu dak li

aħna. Nagħrfu l-vantaġġi tal-linja Demokratika Kristjana. Nagħrfu li hija rilevanti llum iktar minn għada. Nagħrfu li fiha l-kuraġġ li ġġibha fis-seħħ. Nagħrfu li però, ladarba titħaddem, tibqa’ ċ-ċavetta sabiex issolvi l-problemi u l-isfidi ta’ kull żmien.

Il-ħsieb għaqli

9. Jekk naqraw l-istorja ta’ pajjiżna u s-sehem tal-politiċi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fiha, nifhmu aktar dan. Nifhmu li, bil-provi u bil-fatti, dak il-proġett politiku rnexxa u, anzi, kapaċi jibqa’ jirnexxi. Il-kunċetti tagħna fis-soċjetà jagħrfu dejjem li l-bniedem huwa verament iċ-ċentru. Jiġifieri li jaqbeż l-esiġenzi tal-Istat u tal-ekonomija. Fejn jekk ma jkunx rispettat, mhux biss hu jintilef, imma iktar is-soċjetà infisha. Illum, wasalna fejn wasalna proprju għax il-politika tal-Gvern Laburista ta’ dawn is-snin kienet materjalista u liberalista. Jekk qed inkomplu naraw l-istat soċjali, tad-dritt, tal-ġustizzja u tas-sewwa jaqgħu, huwa mertu tal-politika anti-ideoloġika tiegħu. Ma ħaddanx linja soċjalista. Ħaddan minflok waħda mill-agħar forom ta’ liberaliżmu. Għalhekk qegħdin fejn qegħdin.

Proprju għalhekk

10. Proprju għalhekk li għandna nibqgħu nżommu l-impenn għaqli u deċisiv tagħna biex nibdlu lil dan il-pajjiż lura għat-triq tas-sewwa.

Carm Mifsud Bonnici

About

Literature Politics Chess