ŻOMM AĠĠORNAT:
Ma jistax ikollna ekonomija li sejra tajjeb iżda soċjetàli tmur lura
“Il-mod ġdid tal-politika huwa li ngħidu fejn hu tajjeb u ngħidu fejn nistgħu ntejbu għax spiċċa ż-żmien tal-politika tat-tkissir u tal-mibgħeda, fejn kollox huwa ħażin ħlief li nagħmlu aħna”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM.
Dr Delia qal li dan huwa proċess ta’ tiġdid għall-Partit Nazzjonalista, fejn veru se ssib minn ma jaqbilx jew jopponi, iżda huwa proċess li jrid isir, huwa proċess li jwassal biex nagħtu lura l-partit lin-nies. Huwa qal li għandna nipproponu tibdil u soluzzjonijiet għall-futur tal- pajjiż, filwaqt li n-nies jkunu partecipi huma wkoll fi progetti li jistgħu jibdlu lil pajjiżna. Dan sabiex in-nies jibdew ikejlu mhux biss kemm hi b’saħħitha l-Oppożizzjoni imma wkoll li tista’ tkun Gvern alternattiv. Adrian Delia qal li n-numri qegħdin juru iktar minn qatt qabel li t-tibdil li jrid fil-Partit Nazzjonalista hemm bżonn li jsir. Dan irid isir minghajr telf ta’ żmien sabiex aktar nies ikunu parteċipi fil-proċess tal-bidla u parti mit-tibdil.
Adrian Delia qal li qed ikun hawn inċidenti li jħassbu lin-nies u sħaba sewda ta’ kriminalità bil-Gvern li falla fis-sistema ġudizzjarja. Huwa qal li bl-influss tal-barranin fil-pajjiż, dan huwa żmien ta’ riflessjoni fejn naraw l-ekonomija u s-soċjetà fejn sejrin sabiex nifhmu li dak li qed tagħmel l-ekonomija hux rifless fis-soċjetà. Dan għaliex ma jistax ikollna ekonomija li sejra tajjeb imma soċjetà li tmur lura.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li n-nies u n-negozji qed ikollhom iġorru piż ieħor u jħallsu aktar għall-petrol u d-diesel. Adrian Delia fakkar li f’April tal-2014, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja biex iħabbar li l-petrol kien se jorħos b’ċenteżmu u l-prezz tad-diesel kien se jibqa’ l-istess, iżda issa għaż-żieda ta’ 5 ċenteżmi fuq kull litru ma saret l-ebda konferenza. Dan meta l-petrol u d-diesel issa huma aktar minn kemm kienu meta Joseph Muscat kien niżżel lin-nies fit-toroq fl-2011 meta dakinhar il- prezzijiet kienu inqas mil-lum. Huwa qal li dan irid jittieħed fil-kuntest li fi 80% tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-Gvern qed jisraq lill-familji u għall-ftehimiet ħżiena għall-enerġija qed ikollhom jagħmlu tajjeb għalihom il-familji biż-żieda fil-prezzijiet.
Dr Delia qal li mill-aħħar statistika tal-NSO jirriżulta li hawn aktar minn 72,000 Maltin u Għawdxin li jinsabu fir-riskju tal-faqar u l-aktar li jinsabu f’dan ir-riskju huma l-anzjani li żdiedu b’0.9%. Dan meta l-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-2013 kien ftaħar li se jeradika u jeqred għall-kollox il-faqar f’Malta. Minflok fl-aqwa żmien l-anzjani mhux qed ilaħħqu mal- ispejjeż bil-pensjoni li jirċievu wara li jkunu ilhom ħajjithom kollha jikkontribwixxu għall- ekonomija tal-pajjiż b’ħidmithom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li n-nies qed jaraw żidiet fil-prezzijiet, l-aġenzija internazzjonali Standard & Poor’s irrevediet l-isfel ir-rata tas-settur bankarju f’Malta. Dan wara li fil-ġimgħat li għaddew l-Awtorità Bankarja Ewropea ħarġet konklużjonijiet tar- rapport tagħha li juru ‘nuqqasijiet sistematiċi u ġenerali’ fl-FIAU dwar il-bank Pilatus. Adrian Delia qal li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna għandu jġorr ir-responsabbilità politika ta’ dawn in-nuqqasijiet u jirriżenja. Jekk il-Ministru Scicluna se jibqa’ ma jirriżenjax, din ir-responsabbilità għandu jġorrha l-Prim Ministru għax il-Gvern mhux qed jieħu d- deċiżjonijiet li hemm bżonn biex jissalvagwardja l-impjiegi fis-settur bankarju u tas-servizzi finanzjarji.
05.08.2018