Qabel ma tiddeċiedi li 'toħroġ' għall-politika trid tagħżel.

Lejn l-aħħar tad-disgħinijiet, meta kelli biss anqas minn għoxrin sena ħassejt li għandi npoġġi ismi mal-Partit Laburista. 

Dan għaliex dak iż-żmien minn dejjem emmint li r-riformi li għamel Mintoff fis-sebgħinijiet kienu storikament meħtieġa.  Fuq in-naħa l-oħra kont konvint li seta' kien hemm metodu aħjar ta' anqas konfrontazzjoni diretta u għawġ li seta' jiġi evitat biex naslu għal dan. Imma trid tagħżel bejn it-tnejn.  Kont napprezza u nifhem il-mixja għall-Indipendenza li ħa l-Partit Nazzjonalista u li kienet importanti li eventwalment wasslet għar-Repubblika u l-Ħelsien sħiħ.

Kont nibża' wkoll mill-fatt li Malta setgħet titlef jekk tidħol fl-Ewropa, aktar milli tikseb.  Għax hekk kont nisma' qabel is-sena elfejn. Bl-argument li aħna żgħar u fraġli u l-ħuta l-kbira tiblagħna.

Kont bqajt nemmen anke wara r-riżenja minn Sindku fl-2004 (wara biss 9 xhur),  li l-partit Laburista jixraqlu li jerġa' jingħata ċ-ċans minni, ninsa, naħfer, waqt li nimxi 'il quddiem.  Jiena lill-partit rajtu jimxi 'l quddiem waqt li lili dejjem kien iżommni lura. 

Nibqa' naħdem għalih (10 snin oħra) ħalli jkun fil-Gvern u jkompli jiddritta dak li kont nara mgħawweġ. 

Ma ddejjaqtx, għalkemm batejt fi ħdan il-partit li fih kont inħossni barrani.  Naħdem kontra l-kurrent li kont insib ġewwa. Għax bqajt nemmen li jiena mhux importanti, imma Malta, il-ħaddiem u l-viżjoni ta' Malta ġdida.  Il-viżjoni ta' Malta tagħna kollha kemm aħna.  Ħolma li ktibt dwarha għaxar snin qabel. 

 

Il-Partit Nazzjonalista kien kważi għamel 25 sena bejn 1987-2013 u ridt bi sfida u donnu bi dritt nara l-PL fil-Gvern.  Ridt nara x'jista' jagħmel moviment ġdid, b'ideat li dehru friski, b'saħħithom u li jistgħu jitwemmnu.  Fuq kollox kont nemmen li laburist tista' tkun mal-partit Laburista biss. 

Għal bosta u għalija nafu x'ġara.  Ma rridx nieħu wisq tul.  Għażilt bejn l-attenzjoni personali u li nkompli nigdeb miegħi nnifsi lil 'Malta' u n-'Nazzjon'.  Fuq kollox il-ħaddiem mhux dak li jissejjaħ Laburist biss jew li jxejjer bandiera waħda, imma persuni Nazzjonalisti wkoll, li ħadmu, batew u stinkaw, mingħajr ma kienu tallaba.   

Bosta huma  n-Nazzjonalisti konvinti li qatt ma marru l-faċċata l-oħra għax kien jaqblilhom li jagħmlu dan.  Ħassewhom bħali, li posthom mhux fil-moviment ta' llum, laburista mhux tal-imgħoddi, imma partit li ġabar lil min seta' biex ikompli jmexxi u jikber u jeħxien fuq l-għajta tal-ħaddiem. 

Għalhekk inħossni komdu u kuntent fil-ġewwieni tiegħi.  Bil-premessa ta' qabel is-sena 2000, għal 'Malta' kburija u għall-ħaddiem.  Il-PL tilef wisq surtu.

Charles Azzopardi

About

Edukatur. Eks-Sindku r-Rabat fis-sena 2003 u fis-2013. Eks-Kandidat Laburista. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq is-7 Distrett.