Malta nbidlet b’ rata mgħaġġla.   Mhux dejjem tlaħħaq ma x’ inhu jiġri.  

Bidla fl-ambjent.  

Milux rajt dokumentarju dwar Malta fuq stazzjon televiżiv franċiż.  Il-kummentarju sejjaħ lil Malta “tal-konkrit”,  il-malta li tibki l-qerda tas-siġar u l-għelieqi.   Il-Malta li tissaggrifika n-natura sabiex il-progress ikun possibbli.   Il-Gvern li qabad proċess irriversibbli biex Malta tiġi pajjiż ikraħ fejn il-konkrit bela’ kullimkien.

Is-Soċjal

U filwaqt li għandna Gvern jiftaħar bil-miżuri, madanakollu għadna nitimgħu lil min hu bil-ġuħ, nisqu lil min hu bil-għatx u nippruvaw insibu saqaf, lil min spiċċa fit-triq. 

Għax l-għoli tal-ħajja qed ikompli  jagħfas.  Xirja bażika mingħand supermarket għal affarijiet essenzjali ta’ kuljum żdiedet.   Imma l-Gvern ma jimpurtaħx minn min qed ibati u jgħid li dan normali għaliex din il-problema tinsab mad-dinja kollha.

Iżda fir-realta’, aktar ma’ jgħaddu ġimgħat aktar qed jikber il-piż fuq individwi u fuq familji li mhux jirnexxilhom ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar bil-paga li jaqilgħu.

Stħarriġ tal-MISCO fl-aħħar jiem jindika 86% tan-nies li pparteċipaw jgħidu li fl-aħħar 3 snin

il-ħajja għoliet bil-bosta.

U filwaqt li tal-qalba jkomplu jiffangaw fl-eluf, il-Gvern lilek tak €1.75 fil-ġimgħa biex

tlaħħaq mal-ħajja.   Lanqas huma biżżejjed għal ħobża u kartuna ħalib.   Dan apparti s-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. 

Għax realtajiet ta’ sfidi ġodda, għandhom bżonn soluzzjonijiet ġodda wkoll.    Ma nistgħux nippretendu li dak li kien validu qabel l-2010 għadu validu llum.  

Irridu nimirħu fl-għerf, u ngħarfu s-sinjali taż-żminijiet.   Naħsbu fuq il-preżent pero nippjanaw ukoll il-futur.    Fejn hemm familji jbatu, huwa dmir l-istat jintervjeni.

 Bnedmin tajba fostna għandna, imma jeżistu oħrajn, magħluqin fl-egoiżmu tagħhom, indifferent quddiem il-foqra, quddiem l-inġustizzji, quddiem it-tbatijiet ta’ ħaddieħor.    Jien dejjem ngħid li l-oppost tat-tajjeb mhuwiex il-ħażin, imma l-indifferenza.    U l-indifferenza tnawwar soċjeta’.    L-individwaliżmu, il-bniedem li jaħseb fih inniffsu nsibuh kullimkien, inkluż fost membri fil-familji tagħna.     Donnu naqsu l-bnedmin li jħallu kollox u jiġu jħabbtulek il-bieb biex jaraw hux kollox sew.   Uħud minnhom, jiġu jħabbtulek biex jgħelbu l-kurżita.     Ftit huma dawk li jindunaw bis-saram ta’ xi ħadd, u jintervjenu.  Fid-dinja llum donnu ħadd mhu responsabbli għal ħadd.    Kultura ta’ pjaċir. 

Drajna ndawru rasna quddiem it-tbatija ta’ l-oħrajn la darba ma taffetwaniex  “dik mhiex biċċa tagħna” jgħidulek.    Skuża tajba biex ma nagħmlu xejn.

Kultura ta’ l-iskart.  Mhux biss narmu l-imbarazz barra minn darna, imma qed narmu wkoll lil bniedem. 

Għalhekk l-Istat tagħna għandu jkun sinjal li jidher.  Sinjal li dak li jwiegħed iwettqu.  Sinjal li dak li jkun, jieħu dak li ħaqqu.   Għalhekk meta jinbtu l-velenu tal-korruzzjoni, ta’ dak li hu ħażin, jidħlu fostna l-kunflitti soċjali.   Meta fil-politika naħdmu għall-interessi tal-ftit, inkunu qed noħolqu l-inġustizzji. 

Pereżempju  Joseph Muscat idaħħal €60,000  mingħand kumpannija li taħdem għal Vitals.

Bil-paga minima trid tagħmel sitt snin biex iddaħħal sittin elf!    Muscat daħħalhom f’ħakka t’għajn u kumbinazzjoni mingħand l-istess kumpanija li tawha kuntratt ta’  €1000 miljun għal 30 sena u li s-sena d-dieħla ser iddaħħal 69 miljun minn fuq dahrna.

Il-Lejber rabat idejn il-poplu Malti b’kuntratti

fejn qed naħlu u nberbqu l-miljuni u commissions fuq commissions.  Dan hu s-sinjal li qed jagħti  l-Istat Malti.  Din hi r-roadmap.   Dan eżempju ċar ta’ kif fil-politika taħdem għall-interessi tal-ftit.  Dan wieħed mill-każijiet ta’ nġustizzja.     

Ivan Bartolo Mp

About

Spokesperson for Social Accomodation, Fighting against Poverty, Solitude and Social Inclusion.