1. Dan huwa prinċipju li għandna lkoll naqblu dwaru. Biss, minn dak li għaddej, il-fatti juru li dan mhux minnu għal uħud fil-poter. Mhux hekk, sija f’dak li qiegħed isir, kif ukoll f’dak li mhuwiex jingħad. Anzi, jingħad il-kontra ta’ dak li hu, fejn il-verità titqiegħed fil-ġenb, u flokha tidħol il-gidba iebsa ta’ verità. Dik li minnha jintmissu l-libertà u l-ugwaljanza tagħna. Mill-ħsieb li wieħed jista’ jġib ruħu hekk għax sirna soċjetà mmexxija mil-linji ta’ ħsieb tas-suq.

Market Economy, Market Society

2. Fejn għalhekk, is-suq jiddetermina l-prezz tal-oġġett u minhekk, l-influwenza kibret biex jistabbilixxi l-piż li jingħataw il-bnedmin. Għalhekk, kif qed jiġri, meta tqiegħed prezz fuq kollox, fuq dak li huwa tajjeb fil-ħajja, jirnexxilek tiddegradah. Jirnexxilek tikkorrompih fl-għeruq tiegħu. Għax iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar il-valuri li jmexxu n-negozju qed jieħdu sehem predominanti fil-ħajja soċjali. Qed inkabbru iktar mentalità li, għax għandek il-flus, il-mezzi, allura tista’ tixtri anki dak li mhuwiex għall-bejgħ.

Inugwaljanzi

3. F’soċjetà bħal tagħna, dan huwa iktar rilevanti. Fejn qed naraw, l-ewwel, żieda kostanti fl-għoli tal-ħajja; it-tieni, fil-kunsiderazzjoni li għax il-Gvern mhuwiex jgħid il-verità fuq kollox, l-inugwaljanzi qed jikbru. Mhux biss, imma deħlin iktar minn qabel, fatturi li jġibu lura l-elementi ta’ konflitti fis-soċjetà, fil-klassijiet soċjai. Diġà għandna klassi ta’ dawk li huma minn taħt, dawk li qed ibatu biex jgħixu. Bilanċi fl-infiq u attenzjoni kbira fix-xiri tal-prodotti. Magħhom għandna lil dawk li huma komdi u affluwenti mal-partit tal-poter, u dawk li fuq in-naħa l-oħra, jafu li huma maqtugħa.

Inqtajna

4. Dan qiegħed jikber iktar għax hemm iktar persuni li qed jgħixu fin-niċċa u l-kantuniera tagħhom. Iktar ‘il-bgħid mir-realtà u inqas kuntatt mar-realtà. Anzi, iktar bżonn ta’ ħarba kostanti minn dak li hu, mill-veritajiet li qed joħorġu. F’soċjetà, li għalkemm imrobbija tħobb u teżerċita l-ġenerożità, qed tiġi bbumbardata bil-kunċett tal-individwaliżmu. Kunċetti ta’ egoiżmu, fejn il-ħsieb li tagħti, li taqsam, u li tidħol f’solidarjetà huwa żbaljat. Li qiegħed taħli jekk tnaqqas mir-riżorsi tiegħek biex taqsam. Is-soċjetà tagħna, sija b’dan l-attakk

tas-suq, kif ukoll bil-mewġ tal-pandemija qiegħed jara iktar bnedmin li mhumiex jgħixu fis-soċjetà, f’daqqa.

Fil-Liġi ugwali

5. Fil-liġijiet tal-pajji aħna ugwali, imma fil-ħajja mmexxija minn dawn il-kunċetti, m’aħniex. Is-suq jibbaża ruħu fuq kemm għandek mezzi, mhux fuq li inti bniedem daqs l-oħrajn. Anzi, għax għandek il-flus imexxuk biex taħseb li inti superjuri għall-oħrajn. Dan qiegħed iċekken il-libertà ta’ kull persuna fis-soċjetà tagħna. Fejn minflok għandna naqblu li sakemm ma nistinkawx biex kull persuna tkun ugwali, inkunu qed inħallu lura l-libertà. Jekk m’aħniex organizzati fuq prinċipji etiċi li mhumiex tas-suq imma tas-sewwa, allura dak li hemm fil-liġi ma jistax jaħdem.

Nuqqas ta’ verità

6. Dan qiegħed joħroġ iktar f’soċjetà li hija nfluwenzata minn nuqqas ta’ verità. B’figuri politiċi li jispiraw ruħhom direttament u indirettament mill-iżbalji li oħrajn iwettqu barra minn xtutna. Dak li qed naraw fl-Istati Uniti tal-Amerika, bl-azzjonijiet tal-ex-President Donald Trump fl-anniversarju tal-attakk fuq id-demokrazija sena ilu. Kif ukoll fir-Renju Unit, fejn il-Prim Ministru Boris Johnson qiegħed jiddefendi dak li ma jistax, proprju għax naqas fil-verità. Fejn it-tnejn, billi għal uħud saru ‘mudelli’ li għandek timita, qed iwassluna f’soċjetà fejn huwa aċċettabbli li ma tingħadx il-verità.

Periklu

7. Dan huwa theddida ċara u diretta lid-demokrazija u lis-soċjetà. Huwa perikoluż li dan jitħalla għaddej mingħajr reazzjoni politika differenti. Perikoluż li wieħed jaċċetta li f’dan iż-żmien ma jkollniex politiċi li jħarsu, fid-dgħjufija u l-imperfezzjonijiet tagħhom, li jiġġieldu sabiex jingħadu barra l-fatti u l-verità. Il-kultura tas-suq, fejn għax kollox jista’ jinxtara, kollox sar oġġett, irnexxilha tikkorrompina. Id-demokrazija nafu li hija fraġli. Daqshekk ieħor is-soċjetà tagħna. Biss, dan għandu jissudana iktar fl-impenn li naħdmu biex inkunu sodi fis-sewwa.

Kliem iktar dirett

8. F’soċjetà fejn il-bżonnijiet materjali u t-tnawwir tal-valuri tagħha kibru, hemm bżonn iktar diskors dirett. Il-lingwa li tħares u timmira li jkun hemm in-neċessitajiet prattiċi f’posthom. Mhux iktar it-

tmexxija politika li tħares li ‘tixtri’ l-kunsens, imma li tirbaħ il-fiduċja fuq il-fatti. Inqas logħob u rqad fis-sodda tal-gideb. Iktar verità li tirbah u tagħti l-libertà. Iktar għaqda tal-klassijiet soċjali kollha fis-soċjetà. Anki min għandu l-flus, għandu jagħraf li huwa fl-interess tiegħu li jonqsu l-inugwaljanzi u d-disparità fil-mezzi. Ir-rota tista’ ddur iktar jekk nassiguraw li aktar persuni jieħdu sehem, sija fil-ħajja demokratika, kif ukoll bħala promoturi fil-ħajja ekonomika.

Abbandun

9. Huwa l-konsegwenza, l-effett ta’ politika dikjarata li kienet għal kollox barra soċjalista mill-Gvern preżenti. Id-dikjarazzjonijiet ripetuti li huma ser ikunu ‘business friendly’ fisser għalihom li daħħlu fis-soċjetà, u fid-dinja politika, il-kunċett tas-suq. Fejn tista’ tixtri li trid u ġġib ruħek mal-oħrajn bħallikieku qiegħed tikkompeti magħhom. Fejn, min jaqa’ lura tant aħjar għalik, u ma hemmx problemi ta’ kuxjenza fl-egoiżmu u n-nuqqas ta’ skruplu. Il-kontrolli telqu proprju għax anki fil-liġi tista’ taħseb f’dan il-kunċett.

Bidliet

10. Kemm dan il-Gvern jifhem dan kollu, ħafna għandhom id-dubju tagħhom. Kemm huwa kapaċi jibdel din il-linja politika wara sentejn ta’ tmexxija oħra, ħafna u ħafna iktar għandhm dubju. Daħlet iktar l-indifferenza fis-soċjetà. Kiber iktar is-suspett fil-mod ta’ kif issir il-politika, u dak li jingħad mill-politika. Dan jitlob, għall-ġid tagħna lkoll, li jinbidel. Jitlob li jkun hemm tmexxija differenti. Dik li: l-ewwel, hija deċiża li ma timxix aktar fuq soċjetà tas-suq, imma li tħalli s-suq fl-ekonomija, fejn huwa postu. It-tieni: dik li ma tridx twettaq l-iżbalji li twettqu. Din hija l-isfida li għandna quddiemna, proprju għax nemmnu fil-valuri Demokristjani tagħna, li mhux kollox huwa għall-bejgħ.

Carm Mifsud Bonnici

About

Literature Politics Chess