Miegħek biex insaħħu l-identitá u l-kultura Maltija
Irridu nuru bil-fatti kemm aħna kburin li aħna Maltin, billi nimbuttaw il-prodott u l-identità Maltija f’kull okkażjoni, kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.
Ġaladarba inti tagħtini l-fiduċja, jien se nkun ambaxxatur tal-identità tiegħek; l-identità Maltija li tagħmilna uniċi fid-dinja.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’attività Politika fiż-Żejtun, fejn spjega f’dettall il-proposti tal-Programm Elettorali Viżjoni għal Malta 2030.
Il-proposti tal-PN jinkludu:
Ilsien Malti
- Bil-għan li nħaddnu l-valur tal-ilsien Malti, kemm miktub kif ukoll dak mitkellem, inwaqqfu ‘Dar tal-Malti’ li fiha tiġbor lil kittieba, awturi, entitajiet rappreżentattivi u s-settur privat biex isservi ta’ xprun ewlieni li tippromwovi u tinċentiva l-użu tal-lingwa Maltija fl-oqsma kollha kemm Malta kif ukoll barra minn Malta.
Arti
- Nappoġġjaw lil dawk li jaspiraw għal karriera fl-arti billi ninċentivawhom bi skemi biex ikunu jistgħu jtejbu t-talent tagħhom u jesebixxuh lokalment u barra minn xtutna. Għalhekk niżguraw rata tat-taxxa ta’ 5% fuq l-ewwel €80,000 tad-dħul lill-persuni kollha rreġistrati bħala artisti professjonali fid-diversi oqsma.
‘Jeħtieġ nippromwovu u ninkoraġġixxu Maltin li bil-pinna tagħhom jagħmlulna reklam anki barra minn Malta, awturi, kittieba, poeti, produtturi ta’ films u arti oħra, jiena ser inkun magħkom biex inwessa’ l-orizzonti tagħkom,’ qal Bernard Grech
Gvern ġdid Nazzjonalista se jara wkoll li jippromwovi l-ħidma tal-NGOs. F’dan ir-rigward Bernard Grech spjega kif Gvern ġdid Nazzjonalista irid jagħti ħajja u dinamiżmu ġdid lis-settur tal-volontarjat u l-NGOs billi:
- Ineħħi l-piżijiet sproporzjonati li tefa’ l-gvern Laburista fuq l-għaqdiet volontarji – primarjament billi titnaqqas il-burokrazija fuq l-operat amministrattiv tal-għaqdiet.
- Iniedi programm nazzjonali ta’ appoġġ għall-għaqdiet volontarji biex jippromwovu l-artiġġjanat, it-tradizzjonijiet lokali u l-interessi speċjali ħalli niżguraw il-konservazzjoni u s-sostenibbiltà fit-tul tagħhom.
Do you like this page?