Anke jekk il-Milied huwa tifkira ta’ ġrajja unika u speċjali ħafna, dawn iż-żminijiet ta’ festi, bħal kull żmien ieħor, huma esperjenza differenti għal nies differenti. Il-Milied huwa esperjenza personali ħafna, ma għandux l-istess tifsira għal kulħadd u jġib emozzjonijiet differenti lil persuni differenti. Dan l-aktar minħabba dak li nkunu għaddejna minnu fil-passat, dak li qed ngħixu bħalissa u l-ambjent ta’ madwarna, u dak li qed naħsbu għalih fil-futur.
Milied
Minkejja dawn l-esperjenzi individwali differenti, l-ispirtu l-aktar komuni li f’dawn il-ġranet festivi il-bnedmin ifitxxu għalihom u li jaqsmu mal-għeżież, il-qraba u li ħbieb tagħhom, huma l-ferħ u s-sliem. U għalhekk sa minn kmieni nibdew nippreparaw b’diversi modi biex noħolqu ambjent li jgħin biex nidħlu f’dan l-ispirtu u nħossu aktar dawn is-sentimenti.
Il-linji gwida pproponuti mill-uffiċċju tal-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli għall-impjegati tal-Kummissjoni Ewropea stunaw bil-kbir. Kontra kull loġika, inklużjoni u ugwaljanza, il-Kummisarju Dalli, suppost responsabli propju mill-inklużjoni u l-ugwaljanza f’kull sens, ipproponiet li titneħħa r-referenza għal Milied. Il-ħsieb li l-Milied huwa kważi kważi theddida u xi ħaġa li ma għandiex tissemma jmur kontra dan l-istess spirtu tal-Milied u s-sentiment ta’ ħafna.
Hija ħasra li kompliet issir aktar ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna qabel ma rebaħ is-sens komun u l-Unjoni Ewropea rtirat id-dokument tal-Kummissarju Helena Dalli li jwaqqaf milli jintużaw l-kliem “Milied” u “Maria”.
Pjazez
It-tiżjin tal-Milied u l-attivitajiet soċjali huma mezz kif wieħed jidħol aktar fl-ispirtu tal-Milied u jaqsam dan is-sentiment ma ħaddieħor.
Anke jekk matul dawn il-ġranet jiġu mżejna b’dawl dekorattiv, u anke jekk qed jiġu organizzati attivitajiet fihom bir-restrizzjonijiet taċ-ċirkostanzi, il-pjazez tagħna għadhom għatxana biex jaqdu l-funzjoni tagħhom li jlaqqgħu lin-nies u jservu ta’ lok fejn il-komunità tiltaqa’, tikber u tiċċelebra. Matul is-snin din il-funzjoni twessgħet u, l-aktar minħabba l-aspett kummerċjali, dawn iz-zoni saru aktar utilitarji, fejn jiġu pprovduti aktar servizzi u jsir aktar kummerċ.
Il-pjazez mhumiex biss spazji mhux mibnija. Huma parti essenzjali mill-ambjent immedjat tagħna meħtieġ għal kwalita’ ta’ ħajja aħjar b’mod sħiħ.
It-tisbieħ tal-pjazez f’dawn il-ġranet inissel aktar fina x-xewqa li dawn l-ispazji jkunu wkoll il-post fejn niltaqgħu u nistrieħu. Kienu ħafna li tkellmu miegħi dwar il-fatt li numru ta’ Kunsilli Lokali qed jikkonsidraw li jbiddlu l-fiżjononomija tal-pjazez tagħna billi jimplimentaw tibdiliet fit-traffiku u jneħħu jew inaqqsu l-ipparkjar fil-pjazez.
Jidher ċar li apparti li r-residenti tħallew fil-għama ta’ x’jista’ jsir, l-ippjannar huwa kważi ineżistenti. Nixtieq nara, pereżempju, lokalità b’lokalità, stħarriġ dwar min juża l-parkeġġi fil-pjazez rispettivi. Kif tista’ tippjana jekk dan mhux magħruf? Kif ġie ddeterminat liema huma l-mezzi ta’ trasport l-aktar adekwati li jżewwġu l-ħajja tal-komunità, il-pjazza partikolari u l-ħtieġa li l-ambjent fil-pjazza jkun aktar san? Kif qed naħsbu li l-imsieraħ tagħna ikunu eko-sistemi soċjalment u ambjentalment sostenibbli fihom infushom?
Milied fil-Pjazez
Gesu’ Kristu ma twelidx għal uħud imma għal kulħadd. Il-Milied huwa manifestazzjoni u ċelebrazzjoni ta’ wieħed mill-valuri Ewropej – unita’ fid-diversita’ – fi kliem ieħor, ugwaljanza u l-inklussivita’. Nemmen u nara li ngħix dawn il-prinċipji, fosthom, billi nara li titħares il-liberta’ religjuza u l-liberta’ tal-espressjoni ta’ dak kollu li lil bniedem jgħamlu dak li hu: l-identita’ tiegħu.
Bir-raġun in-nies titnaffar minn politika tribali. Hemm bżonn stil ta‘ politika ġdid. Mhux politika tax-xinxilli u l-paroli bl-iskop li jinxtraw il-voti. Jenħtieġ li nkomplu naħdmu b’enerġija ġdida għal politika trasparenti, onesta‘ u msejsa fuq id-djalogu ġenwin fejn il-bniedem u dak kollu li jsawwru jkun iċ-ċentru ta’ din il- ħidma.
L-iStat għandu obbligu li joħloq u jinkoraġġixxi ambjent fejn dan jista’ jsir bl-aktar mod liberu u b’rispett sħiħ lejn il-liberta’ u l-identita’ ta’ min jista’ jkun differenti, mhux fil-moħbi ta’ djarna imma fil-ftuħ tal-pjazez.
Fl-istess ħin ma nistax ma naħsibx f’min iċ-ċirkostanzi ma jippermettulux li jgawdi dan il-Milied.
Nawgura l-Milied u s-Sena t-tajba lil kullħadd, u ferħ u sliem fil-pjazez tal-qlub tagħna.
Do you like this page?