Evarist Bartolo. Owen Bonnici. Justyne Caruana... Min imiss?

Din hija l-lista ta’ Ministri tal-Edukazzjoni minn Marzu tal-2013 sa Diċembru tal-2021, lista li tixhed inkonsistenzi, nuqqas ta’ direzzjoni, attenzjoni perversa, dubju, skandli. Fi żmien fejn is-sistema edukattiva tagħna teħtieġ direzzjoni aktar minn qatt qabel, fi żmien fejn neħtieġu Ministeru kompletament kommess għall-bidliet li hemm bżonn biex nirkbu fuq il-mewġ tal-fallimenti fis-settur, l-iskandlu Justyne-Bogdanovic qiegħed iġegħilni biex hawnhekk nuża dan l-ispazju u nikteb dwar is-severità tal-iskandlu li qiegħed jhedded il-pożizzjoni tal-Ministru Justyne Caruana fil-kariga ta’ Ministru tal-Edukazzjoni.

Dan huwa l-istat deludenti li fih niżlet l-edukazzjoni tagħna: niddiskutu l-abbuż ta’ poter tal-Ministru tal-Edukazzjoni minflok il-futur ta’ wliedna. Illum qed nitkellmu fuq il-possibbiltà ta’ investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana wara li fl-ewwel xhur tal-2021 għaddiet €15,000 f’kuntratt b’Direct-Order lis-sieħeb tagħha Daniel Bogdanovic għal provvediment ta’ rapport li qatt ma sar minnu. Apparti mill-fatt li dan imur kontra l-etika ministerjali – issa għandna l-kundanna tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Politika, George Hyzler – dan huwa att kriminali: serq ta’ flus il-poplu! Ħa nagħti titwila ħafifa lejn l-avvenimenti li wasslu għal dan l-iskandlu Justyne-Bogdanovic.

Fis-16 ta’ Diċembru tal-2020 ntbagħtet talba għal Direct-Order lill-Ministeru tal-Finanzi biex Daniel Bogdanovic ikun ingaġġat mal-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex jikkordina (ma nafux xiex!?) bejn l-iskejjel. Dan kien rifjutat fil-15 ta’ Jannar tal-2021, imma fl-istess ġurnata (b’urġenza assoluta) ntbagħtet talba ġdida mill-Ministeru tal-Ministru Caruana biex Bogdanovic jipprepara studju fuq l-Iskola Nazzjonali tal-Isport (sa issa ma nafux għaliex u jekk hemmx il-ħsieb li jsir tali rapport fuq kull skola), liema talba ġiet aċċettata u l-kuntratt ġie ffirmat fis-26 ta’ Frar tal-2021 u ġimagħtejn wara kien hemm ukoll tentattiv biex Bogdanovic (eks plejer tal-futbol) jiġi mpjegat bħala Uffiċjal tal-Customer Care fil-Ministeru. Fil-21 ta’ Marzu tressaq ilment quddiem l-Kummissarju għall-Istandards tal-Etika u jumejn wara ġie ppreżentat ir-rapport dwar l-Iskola tal-Isport u tterminat il-kuntratt ta’ Bogdanovic. Il-gazzetta ‘The Sunday Times of Malta’ tal-Ħadd li għadda tafferma li r-rapport dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Isport ma niktibx minn Daniel Bogdanovic imma minn wieħed mill-konsulenti tal-Ministru Caruana, ċertu Paul Debattista.

Quddiem dan l-iskandlu, Justyne Caruana għandha tirrinunzja mill-kariga sakemm l-iskandlu jkun riżolt.

Dan l-iskandlu ma hux l-ewwel wieħed fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, għaliex il-ġimgħa li għaddiet ħareġ fil-beraħ rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali għall-Awditjar (l-NAO) li fih jikkonferma kif numru sostanzjali ta’ Direct-Orders li jammontaw għal mijiet ta’ eluf ta’ ewro qed ikunu mġedda minn sena għal sena minkejja li d-Dipartiment tal-Edukazzjoni kien imwissi biex jaddotta proċeduri li jippromwovu ambjent aktar kompetittiv fejn id-Direct-Orders jingħataw biss f’każijiet eċċezzjonali u mhux bħala norma. Rapport tal-NAO jagħmel referenza għal diversi kuntratti li jammontaw għal mijiet ta’ eluf ta’ ewro.

Il-ġustifikazzjoni tal-Ministeru li dawn id-Direct-Orders jingħataw direttament minħabba raġunijiet tekniċi jew minħabba l-esklussività tad-drittijiet fil-provvediment hija naħqa ta’ ħmar, la darba nafu biżżejjed li dejjem jista’ jkun hemm ċirkostanzi fejn id-drittijiet fil-provvediment ingħataw f’idejn l-operaturi li joffru s-servizzi biex il-Ministeru jkun marbut li jgħaddi tali Direct-Orders lilhom dejjem u f’kull sitwazzjoni.

Din hija kultura ta’ impunità li qed thedded il-Ministeru tal-Edukazzjoni li jinsab f’salib it-toroq.

Robert Abela jrid jiddeċiedi jekk hux se jsalva s-settur tal-edukazzjoni jew lill-Ministru tiegħu.

 

Justin Schembri

About

Edukatur. Kandidat għat-8 u l-1 Distrett. Minority Leader fil-Kunsill Lokali Birkirkara. Impenjat favur l-Edukazzjoni, l-Ambjent u l-Ġustizzja Soċjali. Iggradwat fil-Malti u fil-Politika. Determinat favur il-bidla.