Kif wiegħed il-Partit Nazzjonalista, se nkunu qed inżommukom infurmati kull ġimgħa dwar l-aġir tal-PBS u b’mod partikolari dwar ir-rappurtaġġ fl-aħbarijiet tat-8pm.

Id-dejta li qed jiġbor il-Partit Nazzjonalista qed kuljum tikkonferma li x-xandir nazzjonali tan-nies, TVM, imħallas il-miljuni minn flus il-poplu qed ikompli jinħakem u jinħataf minn Robert Abela u min-nies tal-qalba. Issa li għandna dejta fuq medda itwal taż-żmien, qed inkomplu nifhmu aktar u eżattament x’ried jgħid biha Robert Abela meta qalilna li ried riforma sħiħa fix-xandir pubbliku. Fil-fatt, id-dejta disponibbli tikkonferma li Robert Abela qed ibiddel ix-xandir tan-nies f’magna dejjem aktar b’saħħitha li ddoqq il-messaġġ tiegħu f’kull ħin tal-ġurnata, b’mod partikolari f’ċertu ħinijiet biex jilħaq l-akbar udjenzi possibbli lejliet elezzjoni ġenerali.

Il-Partit Nazzjonalista hu mħasseb li minn naħa għandna x-xandir nazzjonali, ix-xandir tan-nies, maħtuf mill-Partit Laburista u minn Robert Abela biex iservi l-ħtiġijiet tagħhom, u fuq in-naħa l-oħra għandna l-Awtorità tax-Xandir li suppost qed tieħu l-passi meta x-xandir jikser il-Kostituzzjoni jew il-liġi tax-xandir. Madankollu, minkejja li issa għaddiet ġimgħa mill-aħħar konferenza tal-aħbarijiet tal-PN dwar ix-xandir, l-Awtorità tax-Xandir għadha xorta ma ħadet l-ebda pass biex twettaq dmirha.

L-Awtorità tax-Xandir obbligata tiżgura l-imparzjalità u l-bilanċ fix-xandir, u li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tingħata ħin ugwali għall-gvern Laburista.
Imħassbin ukoll li l-Awtorità tax-Xandir m’għandhiex il-ħaddiema u r-riżorsi meħtieġa biex tagħmel ix-xogħol ta’ monitoraġġ, u kellha ssir pressjoni mill-Partit Nazzjonalista biex l-Awtorità ħarġet sejħa għal impjieg għal dan il-għan.

Madankollu fil-frattemp, għadna kuljum, sal-bieraħ stess, qed naraw l-aħbarijiet iddominati bil-qawwa mill-Ministri Laburisti li għal kull ħaġa ta’ xejn ilaqqgħu konferenza biex jiksbu tliet minuti fl-aħbarijiet u intervista esklussiva mal-mikrofonu ta’ TVM. Għadna narawhom saħansitra jwaħħlulhom mikrofonu mal-pavru biex jgħaddu messaġġ lin-nazzjon imżejjen b’filmati sbieħ donnhom xi riklam ta’ lejliet l-elezzjoni.

L-istatistika li qed jiġbor il-PN turi wkoll li l-biċċa l-kbira tal-aħbarijiet tal-PBS qed ikunu dwar il-Prim Ministru Robert Abela jew dwar il-Ministru Miriam Dalli. Anki fost il-Ministri Laburisti ssir l-għażla b’mod strateġiku u b’intenzjonijiet ulterjuri. Ninnotaw ukoll li l-ammont ta’ ħin mogħti lill-Ministri Ian Borg u Byron Camilleri hu ferm aktar mill-ħin allokat għall-Viċi Prim Ministru li f’nofs pandemija hu responsabbli mis-saħħa u mill-ħin allokat lill-Ministru tal-Finanzi responsabbli mill-irkupru u l-baġit 2022.

 

U għalhekk għadna qed naraw l-ewwel tmien minuti – meta l-udjenzi tal-aħbarijiet ikunu fl-aqwa tagħhom – jiġu allokati (xi drabi kollha) għal Robert Abela u l-erbgħa ta’ madwaru bħallikieku l-aħbarijiet huma tiegħu biex jagħmilhom in-noticeboard tal-gvern. Għadna naraw stqarrijiet mill-aktar importanti li jispjegaw il-ħidma parlamentari tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li jiġu rrappurtati wara aħbarijiet ferm inqas importanti jew saħansitra jitħallew għal wara r-riklami meta l-udjenza ma tkunx fl-aqwa tagħha.

U minkejja dan, u minkejja l-istatistika aġġornata kuljum li turi żbilanċ sfaċċat favur il-Partit Laburista, l-Awtorità tax-Xandir xorta waħda għadha qed tonqos milli tieħu passi kif teżiġi l-liġi.

Barra minn hekk, ninnotaw ukoll li anki r-riklami ta’ qabel u nofs l-aħbarijiet qed ikunu ddominati bi propaganda qawwija u filmati sbieħ imħallsa minn flus in-nies bl-iskuża tal-baġit 2022 biex jikkumplimentaw dak li jkun qal Robert Abela fl-aħbarijiet. Ninnotaw li saħansitra fir-rappurtaġġ ta’ kull nhar ta’ Ħadd, il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jiġi rrappurtat ferm u ferm inqas minn kemm jiġi rrappurtat il-Prim Ministru. Agħar minn hekk, il-Ħadd li għadda, minkejja li Robert Abela ma indirizzax lill-partitarji, l-aħbarijiet ta’ TVM xorta waħda raw kif iġibu messaġġ tad-deputat mexxej Laburista biex ikun żgurat li l-Kap tal-Oppożizzjoni jiġi rrappurtat fit-tieni aħbar.

Il-Partit Nazzjonalista qed jinnota wkoll li donnha qed tibda d-drawwa li fl-eqqel tal-aħbarijiet jibdew ixandru kollegamenti LIVE imħallsin minn flus il-poplu biex juru l-attivitajiet ta’ propaganda dwar il-baġit li jkunu għaddejjin mill-pjazez. Dan filwaqt li l-attivitajiet mill-pjazez li organizza l-Partit Nazzjonalista waqt ħin l-aħbarijiet ġew irrappurtati biss għal ftit sekondi, b’rappurtaġġ li ftit li xejn juri verament il-messaġġ sħiħ tal-Partit Nazzjonalista, u fl-ebda okkażjoni ma ttieħdet intervista lill-Kap tal-Oppożizzjoni.


Minkejja li d-dejta tagħna ilha tinġabar bosta xhur, ma stajna nsibu l-ebda okkażjoni meta Dr Bernard Grech tkellem mal-mikrofonu ta’ TVM biex jgħaddi l-messaġġ tiegħu bħalma jagħmel Robert Abela u l-Ministri favoriti tiegħu. Jekk inqabblu r-rappurtaġġ bejn iż-żewġ partiti, joħroġ ċar u tond li l-Membri Laburisti jissemmew kważi 200 darba, filwaqt li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tissemma 66 darba u għal ħin ferm inqas. Intervisti lill-Ministri ttieħdu aktar minn mija, filwaqt li ma saret l-ebda intervista lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.


Il-Prim Ministru ġie rrappurtat 24 darba u sarulu 7 intervisti jew soundbites, filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni ġie rrappurtat 15-il darba u ma saritlu l-ebda intervista. Kważi l-filmati kollha dwar il-Partit Nazzjonalista jixxandru mingħajr ħoss jew vuċijiet, u jitwassal biss ir-rappurtaġġ tal-ġurnalista.


Dan il-mod kif qed jiġi ppreżentat il-Partit Nazzjonalista mill-PBS maħkum mill-klikka ta’ Robert Abela qed iwassal fi żbilanċ u żvantaġġ lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista fejn jidħol it-tul tal-ħin, il-pożizzjoni fil-bulettin, il-kontenut tal-aħbar, iċ-ċarezza tal-messaġġ u anki fl-istil tar-rappurtaġġ.


F’dan il-kuntest u fid-dawl tad-dejta li qed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista dwar is-sitwazzjoni gravi attwali, il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Awtorità tax-Xandir biex mingħajr aktar dewmien u mingħajr tkaxkir tas-saqajn, tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li dan l-abbuż u l-ksur tal-liġi jispiċċa.


Bħala Oppożizzjoni b’saħħitha u ppreparata, ħloqna tim legali biex naħdmu flimkien u nesploraw kull mezz disponibbli u niżguraw il-bilanċ fil-ħinijiet allokati lill-gvern u lill-oppożizzjoni fuq ix-xandir tan-nies. B’hekk, il-Partit Nazzjonalista jkollu kull opportunità ġusta li jwassal il-messaġġ tiegħu ħalli n-nies fil-ġimgħat li ġejjin ikunu verament jistgħu jagħmlu deċiżjoni infurmata dwar x’pajjiż iridu jagħtu lil uliedhom.


Bħala Viċi Kap ta’ dan il-partit, se nibqgħu inwettqu skrutinju tal-ħidma tal-PBS u tax-xandir tan-nies.


We’ll hold PBS to account biex anki hawn inkunu l-bidla.

David Agius

About

Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq it-8 u l-11 Distrett.