Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li jkun is-soluzzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Bħala oppożizzjoni determinati li fin-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Prim Ministru Robert Abela, se nkunu aħna li se nibqgħu nippersistu biex is-saltna tad-dritt verament tirrenja f’dan il-pajjiż.

Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt li kien qed jippreżenta mill-ġdid l-Abbozzi ta’ Liġijiet li jindirizzaw r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern ilu jipprova jsib mod li jevita diskussjoni fil-parlament dwar dawn l-abbozzi ta’ liġijiet. Il-Prim Ministru l-ewwel ħatar kumitat biex jindirizza xi aspetti tal-libertá tal-ġurnaliżmu. Qatra f’oċean. Imbagħad sejjaħ dan l-abbozz Gimmick. Issa qed jiġi bl-iskuża li l-abbozz li fih 12-il abbozz ieħor huwa money bill.

L-Oppożizzjoni reġgħet qed tippreżenta dawn it-tnax-il abbozz maqsumin f’żewġ gruppi.

L-ewwel abbozz fih ħdax-il abbozz li fihom ma għandhom l-ebda referenza għall-possibiltá ta’ money bill.  Għalhekk il-Gvern ma għandu jkollu l-ebda skuża li jiddiskutihom u jkompli jaħrab.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonaista saħaq li l-Oppożizzjoni qed  tagħmel il-ħajja aktar faċli, biex il-Gvern ma jibqax jevita d-diskussjoni.

Fit-tieni abbozz preżentat hemm l-abbozz li jitlob il-ħatra ta’ Maġistrat inkwerenti biex jiġġieled il-kriminalitá organizzata u l-kriminalitá fil-Gvern. Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li l-Prim Ministru jekk verament irid joħroġ pajjiżna mil-lista l-griża jrid tinvesti f’din l-għodda. Irid jinħatar maġistrat inkwirenti speċjali.

Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu taħt dan l-Att il-Maġistrat Inkwirenti Speċjali għandu jaġixxi b’mod indipendenti u m’għandux ikun soġġett għad-direzzjoni jew il-kontroll ta’ kwalunkwe persuna jew awtorità oħra, ħlief skont il-liġi prevista.

Il-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja għandu jipprovdi lill-Maġistrat Inkwirenti Speċjali b’bini xieraq għall-uffiċċju tiegħu; u għandu b’konsultazzjoni mal-Maġistrat Inkwirenti Speċjali jiddetermina l-ħtiġiet ta’ impjegati tal-uffiċċju tiegħu u għandu jassenja uffiċjali pubbliċi għall-uffiċċju tal-Maġistrat Inkwirenti Speċjali kif xieraq.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li t-telqa u t-tkaxkir tas-saqajn mhu se jwasluna mkien. L-iskop tal-Partit Nazzjonalista hu li jagħmel l-ħajja faċli għad-diskussjoni. Bl-għan ewlieni jkun dak li l-pajjiż jindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika.

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt