Il-Kriżi li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19 hija kawża distruttiva biżżejjed biex naqqset ir-ritmu edukattiv għal biljuni ta’ tfal fid-dinja kollha, inkluż ovvjament Malta. Illum li għandna f’idejna għadd ta’ studji u statistika li jikkonfermaw b’mod analitiku l-kriżi tal-COVID-19, irridu nibdew inħarsu ’l quddiem aktar minn kemm inħarsu lura. Ix-xhur li għaddew u li fihom id-dinja fittxet metodi alternattivi – ġeneralment b’sistemi online – biex tagħmel tajjeb għall-edukazzjoni fiżika li ntlaqtet minħabba s-sitwazzjoni, għandhom iservu biss bħala bażi għall-futur biex l-edukazzjoni tagħna llum, f’kull eventwalità, tasal għand it-tfal kollha u tgħin fl-irkupru għall-ġenerazzjoni li jmiss.

Huwa stmat li l-pandemija laqtet mal-1.6 biljun tifel u tifla fid-dinja u ħalliet effett irriversibbli fuq persentaġġi numerużi wisq. Biex infisser ftit aħjar, ħalli f’inkwantu ta’ numri nirrealizzaw l-impatt sever fuq l-edukazzjoni, se nagħmel referenza għal studju li sar fl-Istati Uniti li analizza aktar minn 1.5 miljun tifel u tifla f’aktar minn 40 Stat u li fih ġew ikkomparati r-riżultati fil-qari u l-Matematika ta’ Marzu-April 2021 u snin preċedenti (Curriculum Associates’ i-Ready in-school assessment results). Dan l-istudju jikkonferma li t-tfal jinsabu b’medja ta’ 9 punti lura fil-qari u 10 punti lura fil-Matematika, li meta jkunu tradotti għal perjodu ta’ żmien, juru li dawn it-tfal jinsabu b’erba’ u ħames xhur b’lura rispettivament. Fi studju ieħor li jirrigwarda l-Olanda, juri kif fi 8 ġimgħat li fih l-iskejjel kienu magħluqa, intilfu 20% tas-sena skolastika (Learning Loss due to School Closure during the COVID-19 Pandemic).

Din is-sitwazzjoni għalhekk qed iġġib magħha dak li llum qed ikun meqjus bħala “unfinished learning” li jidher li ħalla impatt akbar fuq studenti li mhux neċessarjament isibu l-għajnuna d-dar għax ġeneralment jaħdmu għal rashom.

L-argument li qiegħed nipprova nġib hawnhekk mhuwiex marbut mal-edukazzjoni fl-Istati Uniti għaliex l-interess primarju tiegħi jibqa’ dejjem dak lokali, imma dan irid dejjem jittieħed fil-kuntest globali. Madankollu, statistiċi bħal dawn li qed nagħmel referenza għalihom jien hawnhekk għandhom jinkoraġġixxi lill-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex jibda janalizza l-impatt sever fuq l-istudenti Maltin biex imbagħad la darba jkollna n-numri f’idejna, naġġornaw l-edukazzjoni tagħna skont sistema post-COVID-19.

Li l-edukazzjoni b’mod ġenerali minn issa ’l quddiem għandha tkun diversifikata skont il-bżonnijiet hija mifhuma, imma x’tip ta’ diversifikazzjonijiet sejrin inkunu qed nagħmlu? L-edukazzjoni tagħna fis-sena skolastika attwali x’qed ikollha differenti minn dik ta’ snin qabel meta kellna tfal li ma esperjenzawx sena ta’ “unfinished learning”?

Għalhekk inqis li matul din is-sena l-ġdida, irridu ninqatgħu mir-retorika tas-soltu dwar jekk l-edukazzjoni tagħna għandhiex tkun offruta b’mod fiżiku jew online – dawn id-dibattiti mhuma se jwassluna mkien għaliex ilkoll għandna nirrikonoxxu li t-tagħlim (b’mod partikolari għall-klassijiet bikrin sas-sekondarja) għandu jsir fil-klassi  – imma nibdew verament nanalizzaw l-impatt tal-COVID-19 u kif se nirrispondu għalih. Hawnhekk għandhom sehem importanti l-istakeholders kollha, b’mod partikolari l-Unions tal-għalliema li jridu jassiguraw li jkunu on-board sabiex wara fażi ta’ analiżi nibdew nirkupraw billi nemendaw il-metodoloġija strateġika bbażata fuq l-evidenza ħalli tpatti għal xhur li possibbilment intilfu matul dan il-perjodu ta’ inċertezza u nuqqasijiet fit-tagħlim. Issa huwa l-mument li l-attenzjoni ddur kolah fuq it-tfal u t-tagħlim tagħhom.

Din fil-fatt hija waħda mill-prijoritajiet indikati fir-rapportThe State of the Global Education Crisis: A Path to Recovery” (kompost mill-UNESCO, UNICEF u l-Bank Dinji) u li rridu nibdew nikkunsidrawha serjament billi għandu jitħejja pjan ta’ rkupru edukattiv speċifikament għall-iskejjel tagħna fuq medda ta’ snin.

Justin Schembri

About

Edukatur. Kandidat għat-8 u l-1 Distrett. Minority Leader fil-Kunsill Lokali Birkirkara. Impenjat favur l-Edukazzjoni, l-Ambjent u l-Ġustizzja Soċjali. Iggradwat fil-Malti u fil-Politika. Determinat favur il-bidla.