Il-Partit Nazzjonalista dejjem kellu viżjoni fit-tul fejn jidħol it-tkabbir ekonomiku b’mod sostenibbli. Viżjoni li ġiet mgħejjuna mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Rajna l-introduzzjoni ta’ diversi setturi kurrenti u li kienu ta’ suċċess kbir, fosthom, il-manifattura, farmaċeutika, gaming, informazzjoni u komunikazzjoni, servizzi finanzjarji, u avjazzjoni.

Hija din l-istess viżjoni li kapaċi ttina s-saħħa biex nerġgħu inwettqu l-bidla għall-futur. Fil-passat iż-żgħażagħ Maltin kienu parti essenzjali tal-iżvilupp ta’ dawn l-industriji u finalment tas-suċċess tagħhom. Iżda, issa l-istorja hija kemxejn differenti.

Xi ftit jiem ilu ħareg studju ippublikat minn EY, li jgħid li 60% taż-żgħażagħ Maltin jippreferu jgħixu barra minn Malta, żieda ta’ 12% fuq is-sena li għaddiet. Il-fatt li l-maġġoranza taż-żgħażagħ tagħna jippreferu jħallu kollox warajhom u jitilqu minn pajjiżna, turi kemm m’għandomx fiduċja li jilħqu l-potenzjal tagħhom f’art twelidhom. U ttihom tort? Ġejna fi stat fejn lil min taf huwa iktar importanti minn kemm taf.

Dawn l-istudji huma ferm inkwetanti għaliex l-effetti tagħhom ikomplu jinħassu għal diversi snin. It-tluq taż-żgħażagħ tħalli impatt fuq l-ammont ta’ startups u l-kwalità ta’ negozji li kapaċi jinħolqu, u għalhekk taffetwa kemm nistgħu nikkompetu fis-swieq internazzjonali.

 

Huwa pjuttost ironiku l-kliem li qal Robert Abela ftit jiem qabel il-Budget; “Naħdmu dwar kif se nħallu lil Malta għal uliedna”, għaliex minflok, uliedna jridu jħallu lil pajjiżna.

Taħt Gvern Nazzjonalista immexxi minn Dr. Bernard Grech, iż-żgħazagħ tagħna ċertament ikollom futur aħjar. Jistgħu verament ikunu l-katalisti f’dak li hu ambjent, klima, u l-introduzzjoni ta’ setturi ġodda.

L-ambizzjoni tal-PN għalihom hi xogħolijiet li huma verament ta’ kwalità. B’hekk jingħataw ġejjieni aħjar biex jgħixu u jibnu l-familja u l-ħajja tagħhom f’pajjiż fejn il- kwalità tal-ħajja tingħata l-ikbar importanza.

Nixtieq nara pajjiż li jitratta lil uliedu kif jixraqilhom u jiġu apprezzati għal dak li veru huma; l-aħjar ċans li pajjiżna għandu biex jirnexxi fil-futur.

Rebekah Cilia

About

Viċi President tal-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista u membru tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Kandidata f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq is-7 u l-11 Distrett.