Il-Partit Nazzjonalista jemmen bi sħiħ fis-sistema kostituzzjonali li tagħti lill-Uffiċċju tal-Ombudsman il-funzjoni li jinvestiga kull azzjoni li ssir minn jew f’isem il-Gvern u jikkundanna l-attakk fieragħ li sar fuq dan l-uffiċċju mil-Kap tac-Ċivil, Mario Cutajar. Il-Gvern għandu jieqaf itappan il-fiduja fil-ħidma ta’ dawk l-istituzzjonijiet li l-Kostituzzjoni titlobhom jinvestigaw ħidmietu sabiex jassiguraw li l-amministrazzjoni pubblika tkun qiegħda tiġi eżerċitata fl-interess tal-poplu. Il-Gvern għandu jieqaf jimmaniġġja l-amministrazzjoni pubblika bħal li kieku kienet amministrazzjoni b’politika partigjana. Meta awtorità bħal dik tal-Ombudsman issib xi nuqqas fl-amministrazzjoni pubblika, dak li huwa mistenni mill-Kap tac-Ċivil huwa li jassigura li l-amministrazzjoni tilħaq il-livell meħtieg minnha.

Il-Partit Nazzjonalista jikkondividi l-kritika tal-Ombudsman fil-konfront tal-amministrazzjoni pubblika dwar il-ħatriet ta’ persuni ta’ fiduċja. Il-Partit Nazzjonalista jaqbel ukoll ma dak indikat mill-Ombudsman fl-Ombusplan 2022 li huwa ressaq quddiem il-Parlament u ċioè li sabiex niġġieldu l-ħolqien ta’ impunità de facto u ntejbu l-amministrazzjoni pubblika, irridu nindirizzaw il-lobbying, l-abbuz mis-sistema ta’ ħatriet ta’ persuni f’pożizzjonijiet ta’ fiduċja u jnneħħu dak l-aġir li jdgħajjef il-fiduċja fis-servizz pubbliku.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar illi l-uffiċju tal-Ombudsman hu kariga kostituzzjonali u l-Ombudsman hu uffiċjal tal-Parlament u ma jiffurmax parti miċ-Ċivil. Mhux aċċettabbli li Mario Cutajar bħala kap taċ-Ċivil jattakka l-poteri tal-Ombudsman u konsegwentement, il-poteri ta’ uffiċjal tal-parlament. Aktar u aktar meta rriżulta illi dak li allega Mario Cutajar m’hu minnu xejn.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni illi l-Gvern ma jistax jibqa’ jistaħba wara manwal dwar il-persuni ta’ fiduċja imma għandu jkun hemm trasparenza sħiħa dwar il-ħatra tagħhom, il-pożizzjoni tagħhom u r-rimunerazzjoni tagħhom.  Tali persuni ta’ fiduċja għandhom jinħatru biss meta hekk meħtieġ u mhux għal raġunijiet klijentari kif qed isir illum biċ-ċar. Dawn il-ħatriet qed ikomplu jwasslu għal state capture tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

Infakkru wkoll li l-Prim Ministru Robert Abela qed ikaxkar saqajh anke fuq il-ħatra ta’ Ombudsman ġdid. Xhieda ċara ta’ kif għall-Prim Ministru din il-kariga kostituzzjonali ma tfisser xejn.  

Kieku l-Gvern m’għandhux x’jaħbi, kieku ma jiddejjaqx jagħti l-informazzjoni li l-Oppożizzjoni titlob ta’ spiss dwar il-persuni ta’ fiduċja maħtura mill-akbar kabinett fl-istorja ta’ Malta. F’soċjeta’ demokratika, il-Gvern ma jiddejjaqx jagħti kont ta’ għemilu imma dan m’huwiex il-każ f’pajjiżna.

Therese Comodini Cachia

Kelliem għad-Drittijiet Umani

u l-Governanza Tajba

 

Joe Ellis

Kelliem għar-Riforma Kostituzzjonali,

d-Djalogu Soċjali

u x-Xandir Nazzjonali

Partit Nazzjonalista

About

Jekk se tagħmilha fuq qalbek, tagħmilhiex. Imma jekk se tagħmilha ghax tħobb... Kun il-Bidla