ŻOMM AĠĠORNAT:
Pajjiżna jitlef mara dinjituża ta’ servizz fil-kwiet
Il-mewt ta’ Maria Tabone dalgħodu tfisser telfa għal pajjiżna kollu. Telfa ta’ mara dinjituża li tat servizz twil u fil-kwiet lil pajjiżna flimkien ma’ żewġha Ċensu Tabone fl-ogħla karigi tal- pajjiż. Maria Tabone għenet lil żewġha f’karriera medika u politika twila li mbagħad żviluppat fi Presidenza li tat rispett u dinjità lill-ogħla kariga tal-Istat Malti.
Miżżewġa tabib fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, Maria Tabone appoġġjat lil żewġha Ċensu Tabone fir-riċerka tiegħu fil-kura tal-għajnejn, fit-twaqqif tal-Unjin tat-Tobba, fit-trobbija tat- tfal tagħhom, kif ukoll fis-servizz tiegħu fil-politika Maltija fi żmien imqalleb ħafna u mbagħad fir-restawr tan-normalità politika.
Meta żewġha, wara li kien Ministru tal-Affarijiet Barranin, inħatar President ta’ Malta fl- 1989, Maria kompliet tkun il-figura ta’ appoġġ b’dinjità u determinazzjoni kwieta. Ta’ dan, hi u żewġha kisbu r-rispett tal-pajjiż kollu, u ta’ dawk li għall-bidu ma kinux aċċettawhom.
Il-Partit Nazzjonalista, kburi li nies bħal Maria u Ċensu Tabone mmarkaw l-istorja tiegħu u ta’ pajjiżna, jagħti l-għomor lill-familja kollha Tabone u lil dawk kollha li kienu ta’ appoġġ għalihom.
19.07.2018