Ħafna nies li jkellmuna waqt iż-żjarat fid-djar jew f’xi avvenimenti soċjali jew politiċi jħeġġuna nipproponu bidliet ewlenin f’kull livell u f’kull settur ta’ pajjiżna. Ninnota li dawn l-ideat donnhom jikkonverġu lejn ħaġa li tiswa mitqlu deheb: ħajjitna u l-kwalità ta’ ħajjitna. Ngħidu aħna, jitolbuna l-għajnuna waqt waqtiet diffiċli f’ħajjithom meta jitilfu xi impjieg, iġarrbu xi mard, jitilfu darhom, ikunu għaddejjin minn xi separazzjoni, u aħna l-politiċi fid-dmir li nagħtu widen u ngħinu kemm nistgħu.

Dan l-impenn u din il-ħidma favur it-titjib fil-kwalità ta’ ħajjet in-nies jagħtuna ħafna sodisfazzjon u skop nobbli għalfejn għażilna ħajja impenjattiva fil-politika.

Lil dawn il-persuni, jien bħala Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista nwegħedhom partit imħejji biex iwettaq passi ta’ ġgant ’il quddiem fil-kwalità tal-ħajja, fl-interess ta’ pajjiżna u fl-aktar oqsma essenzjali bħall-ambjent, is-saħħa, l-edukazzjoni, ix-xogħol, l-akkomodazzjoni u l-infrastruttura. Kommessi bis-sħiħ li nippreżentaw lill-poplu proposti mill-aktar studjati li jindirizzaw l-akbar eżiġenzi tal-immedjat u d-diffikultajiet li jeħtieġu azzjoni urġenti, iżda anki se nħarsu u nippjanaw fit-tul biex naċċertaw li Malta tkun taf fejn trid tmur fl-għexieren tas-snin li ġejjin.

Se nistinkaw ukoll biex niżguraw titjib fil-ġustizzja, fil-korpi dixxiplinari u fil-faċilitajiet korrettivi li jipprovdulna s-serħan il-moħħ u li l-gvern attwali tant abbandunahom, anzi ħadem u qed jaħdem biex jibqa’ jkollu kontroll totali tagħhom għal skopijiet ħżiena. Qed inwiegħdu li noħorġu lil Malta mill-greylisting tal-FATF fl-iqsar żmien.


Bl-għajnuna tal-Fondi tal-UE nwiegħdu li nappoġġaw investiment qawwi fil-forza tax-xogħol tagħna biex din ittejjeb u żżid il-ħiliet u l-kwalifiki tal-ħaddiema u l-istudenti Maltin ħalli jagħżlu karrieri ta’ livell għoli. Forza tax-xogħol ta’ livell għoli tgħinna nattiraw aktar investiment dirett barrani ta’ kwalità u f’setturi ġodda li l-gvern attwali ma rnexxilux jibni. Barra minn hekk, gvern Nazzjonalista jiżgura li nreġġgħu lura r-reputazzjoni li kellha Malta qabel l-2013, bħala Stat Membru Ewropew mill-aktar avvanzat, stabbli, kontabbli, rispettabbli u serju.

Irridu aktar turiżmu ta’ kwalità u mhux tal-massa. Għaldaqstant nappoġġaw investimenti li jesploraw niċeċ ġodda ta’ turiżmu u li jrendu iżjed għall-ekonomija tal-pajjiż u għall-familji u n-negozji Maltin mingħajr ma jixħtu piżijiet eżorbitanti fuq l-infrastruttura tagħna. Qed inwiegħdu wkoll li nreġġgħu lura lil Airmalta fuq saqajha biex tibqa’ link turistiku fundamentali għal pajjiżna u nissalvagwardjaw l-impjiegi u l-għejxien ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin.

Għal dan il-għan, bħala partit qed nippreżentaw tim frisk ta’ kandidati, taħlita ta’ persuni b’esperjenza u oħrajn ġodda li flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista se nipprovdu viżjoni ġdida għal Malta.

Madankollu... din il-bidla tibda minnek. U għalhekk inħeġġuk tingħaqad magħna bil-mod tiegħek biex anki inti tkun parti minn din il-bidla li tixraq lil pajjiżna. Bis-saħħa tiegħek nistgħu nwettquha.

David Agius

About

Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq it-8 u l-11 Distrett.