Gvern ġdid Nazzjonalista jtaffi dawn il-piżijiet b’interventi settorjali u billi joħroġ lil Malta mil-lista l-griża fi żmien tliet xhur.

 

Il-Gvern qed jitfa' l-piżijiet tal-lista l-griża fuq in-negozju u l-konsumatur Malti Gvern ġdid Nazzjonalista jtaffi dawn il-piżijiet b’interventi settorjali u billi joħroġ lil Malta mil-lista l-griża fi żmien tliet xhur.

Dan qaluh il-Kelliem Ewlieni tal-PN Peter Agius u l-President tal-Kunsill Amministrattiv u l-Kandidat Graham Benċini f’konferenza stampa llum minn quddiem il-Malta Business Registry fiż-Żejtun.

In-negozju Malti qed iħallas bl-għoli b’piżijiet burokratiċi miżjuda u t-telf tal-fiduċja minħabba l-lista l-griża. Is-self-employed, l-importatur, il-professjonist u kull min jixtri jew ibiegħ propjetà qed jintlaqat b’diversi piżijiet ġodda. Hawn se nagħtu 5 eżempji li qed jolqtu lil diversi operaturi:

  1. Kull min jopera permezz ta’ kumpanija u jiġi biex jagħmel tranżazzjonijiet bħal bejgħ u xiri jintalab jagħti rapport dwar struttura tal-kumpanija. Dan suppost ikun dokumentat fir-Reġistru tal-Kumpaniji, però l-awtoritajiet mhumiex jaċċettaw rendikont maħruġ mir-reġistru iżda jitolbu minflok rapport indipendenti. Il-prezz ta' dan iħallsu n-negozju Malti.
  2. Kontrolli ta’ ‘due diligence’ li qed jiġu rikjesti f’dettall wara l-lista l-griża, li f’każijiet ta’ kumpaniji jridu jsiru għal kull direttur bir-riżultati li diversi kuntratti ta’ bejgħ u xiri qed jinvolvu eluf ta’ euro ta’ spejjeż addizzjonali. Dan huwa piż li l-Gvern tefa' fuq spallejn in-nutara b’penali sa 60,000 euro.
  3. Il-fiduċja fin-negozju kważi spiċċat minħabba l-lista l-griża. Importaturi qed jintalbu l-accounts ta’ sentejn għal due diligence minn kumpaniji barranin kif ukoll assikurazzjoni tal-partners tan-negozju barra minn Malta, bi ħlasijiet tal-assigurazzjoni għoljin għax ir-relazzjoni tinvolvi lil Malta. Dan huwa obbligu miżjud mal-ħafna oħrajn fuq l-importatur malti - li finalment jgħaddi fil-prezzijiet tal-konsumatur.
  4. Il-fiduċja fin-negozju kważi spiċċat minħabba l-lista l-griża. Diversi importaturi qed jintalbu li jħallsu kollox qabel delivery – spiċċat il-credit facility ta’ 20-60 ġurnata.
  5. Friżar u għeluq ta’ mijiet ta’ kontijiet mill-banek lil ħaddiema u self-employed minħabba skrutinju addizzjonali fuq trasferimenti ta’ flus. Banek li qed jagħlqu l-fixed-term deposits, minbarra għexieren ta' kumpaniji li rrinunzjaw il-licenzja tal-MFSA.

Il-banek qegħdin fl-għama dwar il-lista l-griża u l-perkors biex noħorġu minnha. Il-gvern ingħalaq fih innifsu u mhuwiex jikkomunika mal-operaturi, la mal-banek u lanqas mal-operaturi finanzjarji oħra u lanqas mal-kmamar tal-kummerċ jew is-sħab soċjali.

Il-lista l-griża daħħalna fiha l-Gvern Laburista. In-negozju Malti jippretendi li tal-anqas ikun infurmat kif ser noħorġu minnha u megħjun fil-piżijiet li qed ikollu jġorr kawża tagħha.

Il-Partit Nazzjonalista qed jisma’ lil dawk kollha milquta. Il-gvern qed jagħmel żball kbir li ngħalaq fih innifsu u qed jitfa’ l-piżijiet kollha fuq in-negozju Malti. Seta’ jagħmel ħafna aħjar u filwaqt li huwa inevitabbli li jiżdiedu ċerta kontrolli, għax dan huwa l-prezz li qed inħallsu lkoll għall-abbuż tal-protagonisti tal-partit laburista, nistgħu iżda ntaffu l-piż tan-negozju, ngħinu fl-immaniġjar tal-burokrazija u fuq kollox nassiguraw li n-negozju Malti jkun informat aħjar dwar il-perkors ta’ pajjiżna lejn il-lista l-bajda.

Soluzzjonijiet mill-Partit Nazzjonalista:

 

  1. Gvern ġdid Nazzjonalista jkun ifisser ‘change of management’ li jkun l-aktar sinjal b’saħħtu lill-komunità internazzjonali u li ser jippermetti, flimkien ma’ ħidma mal-operaturi u fil-livell tekniku, li Malta tkun tista’ tressaq il-każ tagħha biex terġa' tkun fuq il-lista l-bajda wara tliet xhur mill-elezzjoni.
  2. Bħalma ħabbar il-Kap tal-PN Bernard Grech fir-risposta għall-Budget, Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jkun hemm unit tal-gvern li titratta l-kontrolli tad-due diligence b’mod li dan il-piż jinqasam mal-awtorita’ pubblika u b’mod li kull min ibigħ jew jixtri propjetà kif ukoll in-nutara u l-banek ikollhom ċertezza legali u struttura li tgħinhom jaċċertaw il-kontrolli neċessarji b’anqas riskju.  
  3. Gvern ġdid Nazzjonalista jara wkoll li r-reġistru tal-kumpaniji jkun aġġornat u li r-rekords disponibbli online jkunu prova biżżejjed għal kull fini flok jgħabbi n-negozju bl-ispejjeż ta’ burokrazija ġdida.
  4. Gvern ġdid Nazzjonalista jassigura wkoll li jkun hemm djalogu kontinwu dwar it-tisħiħ u ż-żamma tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna mal-operaturi fis-setturi kollha milquta inkluż il-Banek, il-professjonisti inkluż Accountants, Nutara u operaturi oħra kif ukoll ir-rappreżentanti tan-negozju Malti inkluż il-Kmamar tal-Kummerċ.

Dawn kollha qed iħallsu prezz għoli għall-inkompetenza u l-abbuż tal-poter mill-Gvern Laburista li tefa' fuqhom il-piż tal-problema. Gvern ġdid Nazzjonalista jara minflok li jaħdem id f’id ma’ dawn is-setturi kollha għas-soluzzjonijiet meħtieġa.

11.02.2022

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt